Lokali Parlament

L-awtoritajiet fl-industrija tal-kostruzzjoni kienu sparpaljati

Stanley Zammit, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal fil-parlaemnt li kull ministru responsabbli mill-industrija tal-kostruzzjoni matul dawn l-aħħar 10 snin sparpalja l-istruttura governattiva f’biċċiet żgħar. Minflok ma nbena fuq it-tajjeb, dak li kien tajjeb ġie imkisser, maqsum u mifrud u nħolqu t-torrijiet. Dan jgħidu kull min imiss mal-proċess tal-ippjanar.

Fit-3 ta’ Marzu, 2020 seħħet it-tragedja ta’ Miriam Pace wara numru ta’ każi oħra. Li mhux għall-insistenza tal-familja ta’ Miriam Pace u tal-Oppozizzjoni, ir-rapport Quintano kien jibqa’ sigriet; eżattament kif il-Prim Ministru irid li jibqgħu sigrieti l-inkjesta u kull rapport relatati mat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia.

Fil-bidu tal-2021 twaqqfet l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u ghal darb’oħra saret il-wiegħda, ta’ one-stop-shop għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kostruzzjoni. Dan wara li kien ir-rapport Quintano li instiga it-twaqqif ta’ din l-Awtorità u li din l tkun il-fulkrum tar-riformi neċessarji.

Hu qal li saru rapporti u rakomandazzjonijiet kostruttivi mill-Oppożizzjoni, mill-Kamra tal-Periti, mill-iżviluppaturi, mis-sidien tad-djar u min-numru ta’ operaturi oħrajn wara it-traġedja ta’ Miriam Pace.

Il-Gvern għadu jagħmel l-istess wiegħdi u diskorsi fosthom dwar in-National Building Codes u dwar kif ser tkun indirizzata l-problema tal-iskills gap speċjalment wara li ngħalqu l-iskejjel tas-snajja. Iċ-ċaqlieqa dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi hi bidu pożittiv.

Il-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia qed jitolbu bil-ħniena li l-Prim Ministru isejjaħ inkjesta pubblika biex il-ħajja ta’ binhom ma tkunx inħliet għalxejn biex nevitaw iktar imwiet u aktar tbatija. Minn xhiex qiegħed jiddejjaq il-Prim Ministru?

Hu qal li dan l-Att qiegħed jipproponi żewġ tibdiliet relatati mas-sengħa u l-liċenzja tal-bennej. Waqt li d-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi tal-kostruzzjoni ipoġġi l-liċenzja tal-bennej bħal rekwiżit primarju, dan l-att qed jipproponi illi mill-avviż tal-bidu jitneħħew l-isem u d-dettalji tal-bennej liċenzjat, il-perit u l-manager tas-sit kif imfisser fir-regoli tal-immaniġġar ta’ siti.

Il-Gvern jitratta l-affarijiet bil-biċċiet b’tibdiliet nofs kedda.

Din hija opportunità fejn f’darba nirfinaw il-liċenzja tal-bennej. Fir-realtà tal-llum, hawn binjiet fejn lanqas biss jintuża kantun wieħed jew briksa waħda u għad hawn ħafna xogħolijiet bħal fir-restawr u fl-olterazzjonijiet fejn il-bennej huwa kritiku.

Hu staqasa meta ser nimplimentaw l-iskills card bis-serjetà u minnghajr ħela ta’ riżorsi, inġebbdu r-riżorsi jew nippretendu l-impossibli bħal meta jingħad li jrid ikun hemm bennej liċenzjat fuq kull sit ta’ kostruzzjoni. Meta ser niddeterminaw liema snajja għandna bżonn fuq liema lant jew parti minn lant tax-xogħol?

Stanley Zammit appella lill-Gvern biex verament jistma s-sengħa tal-bini u biex jibqgħu jiġu aġġornati n-National Occupational Standards u l-NOSs, Biex jissaħħu s-sistemi relatati mal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali biex jiġu identifikati, evalwati u ċertifikati formalment l-għarfien, il-ħiliet u il-kompetenzi li diversi nies tas-snajja żviluppaw tul ħajjithom permezz ta’ parteċipazzjoni f’tagħlim mhux formali u informali.

Għajjejna nghaddu minn proċessi ta’ konsultazzjoni biex il-policies finali ikunu eżattament kif ipproponuti mill-Gvern anke jekk il-maġġoranza tal-pariri ikunu differenti, sostna Stanley Zammit.

Hu qal li diffiċli ħafna li jkun hemm progress meta ikollok strutturi u sistemi separati, maqtughin minn xulxin u f’kompetizzjoni dwar ir-rwoli u għar-riżorsi.

Irridu li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, bħall-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tar-Riżorsi u Ambjent, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, is-Sovvratindenza tal-Wirt Kulturali, bħall-Gvernijiet Lokali u entitajiet oħrajn ikunu awtoritajiet ta’ veru u mhux konsulenti li ħafna drabi jiġu injorati. Biss dan ma jfissirx li kull torri, għax għandu l-awtorità, jaħdem għal rasu!