Peter Agius jindirizza l-assemblea tal-Wilfried Martens Centre fi Brussell.
Filwaqt li l-Unjoni Ewropea hi proġett politiku ta’ fejda li ġabet riżultati kbar favur iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġ li tagħmel sforz akbar biex tadatta għall-bżonnijiet partikolari ta’ popli fi gżejjer u f’reġjuni bi sfidi partikolari, fosthom Malta.
Sostna dan il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius meta kien mistieden jindirizza konferenza bl-isem ta’ “Niddefinixxu l-Ewropa – Infittxu dak li jgħaqqadna, L-Unjoni fid-Demokrazija” organiżżata mill-Wilfried Martens Centre fi Brussell u li ġabret parteċipanti mill-Unjoni Ewropea kollha.
Il-Kandidat Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew Peter Agius saħaq li l-Unjoni Ewropea hija proġett li ġabet u tista’ ġġib aktar ġid lill-familji fl-ibliet u rħula tal-Ewropa kollha iżda jeħtieġ li reġjuni partikolari li jista’ jkollom bżonnijiet partikolari ma jiġux aljenati jew minsija. “Irridu nevitaw li nagħtu l-armi lil politiċi populisti li jispiċċaw idawru lin-nies kontra l-proġett Ewropew bħal ma’ ġara fir-Renju Unit’’, qal Agius.
Hu propju għalhekk li l-Unjoni Ewropa trid taħdem dejjem aktar fuq ambaxxaturi tagħha bħal għaqdiet u politiċi fuq livell reġjonali u lokali għaliex dawn ilkoll għandhom rwol fundamentali biex iwasslu l-Ewropa għand iċ-ċittadini, qal Agius. Fil-fatt, saħaq li “Kultant l-Ewropa għandha t-tendenza li tkun komplessa wisq għaċ-ċittadini u għalhekk hu d-dmir u l-obbligu tagħna li nwasslu l-ħidma tagħha fi kliem li jinftiehem mill-poplu, għaliex dejjem x’nirbħu għandna.”
Peter Agius qasam ukoll l-esperjenzi tiegħu bħala Uffiċjal Pubbliku fl-Istituzzjonijiet Ewropej, fosthom meta kien jaħdem mill-qrib mal-ex President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani kif ukoll meta kien inkarigat mill-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Hu rrisponda wkoll diversi domandi mill-parteċipanti fi Brussell inkluż domandi dwar is-sitwazzjoni partikolari f’Malta. Dwar dan Agius spjega kif attwalment il-Gvern Laburista ġie kkundannat mill-Qrati Nazzjonali għal bias fl-informazzjoni u l-użu tax-xandir nazzjonali u li minkejja dan baqa ma ingħata l-ebda rimedju għall-iżbilanċ kontinwu fl-informazzjoni f’Malta.
“Id-determinazzjoni tagħna hija akbar mill-kapaċita tagħhom li jabbużaw mir-riżorsi tal-istat. Il-forżi tal-Opposizzjoni f’Malta iridu jaħdmu aktar biex il-verita tasal għand in-nies u minkejja d-diffikultajiet ċert li l-kelma tal-verita qed tasal u konvint li s-sewwa fl-aħħar ser jegħleb il-gideb,” qal Dr Agius. Il-Wilfried Martens Centre huwa t-think tank uffiċjali tal-Partit Poplari Ewropew li jiġbor fi ħdanu 32 għaqda u ċentri ta’ riċerka fosthom l-Akkademja għal Żvilupp ta’ Ambjent Demokratiku (AZAD) f’Malta.
L-attivita kollha hija live-streamed u tista ssegwiha hawnhekk: https://www.martenscentre.eu/event/network-2023/
//= $special ?>