Numru ta’ dokumenti qegħdin juru li l-Iran, is-sena l-oħra, ifforma kumitat sigriet biex ipattiha lill-personalitajiet Iranjani li ħarġu favur id-dimostranti li għal ġimgħat sħaħ mexxew il-protesti pubbliċi kontra l-Gvern Iżlamiku.
Il-leak ta’ informazzjoni żvela li l-kumitat inkwistjoni kien bagħat ittra bid-data 22 ta’ Settembru lill-Ministeru Iranjan għall-Ekonomija u li kienet tinkludi lista ta’ 141 personalitajiet prominenti – fosthom il-plejer tal-futbol famuż Ali Daei u l-attriċi Taraneh Alidoosti.
L-ittra inkludiet direttiva speċifika biex il-Ministeru jinvestiga l-kontijiet tat-taxxa ta’ dawn il-personalitajiet waqt li jieħu azzjoni mhix speċifikata fil-konfront tagħhom.Intant, l-ittra ntbagħtet sitt ijiem biss wara li bdew il-protesti dwar id-destin ta’ mara Iranjana, Mahsa Amini, li mietet ftit wara li spiċċat arrestata mill-Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità talli ma kenitx liebsa l-hijab kif suppost.
Ali Daei u Taraneh Alidoosti huma fost għexieren ta’ artisti, personalitajiet sportivi u influencers tal-media soċjali li, fl-aħħar seba’ xhur, iffaċċjaw is-sanzjonijiet ekonomiċi u perjodi ta’ arrest wara li huma appoġġjaw is-sejħa tad-dimostranti Iranjani biex igawdu minn livell ta’ libertà bażiku.
Fl-aħħar xhur mietu l-mijiet tal-Iranjani – b’eluf oħra jinżammu mill-pulizija – waqt il-kampanja ta’ ripressjoni mir-reġim Iżlamiku f’Tehran li qed jibbaża fuq il-qawwiet tas-sigurtà biex joħnoq kull ħjiel ta’ dissens fost il-poplu. Dan meta l-istess reġim fundamentalista ipprova jpitter i l-protesti bħala ‘irvellijiet instigati minn aġenti barranin u għexewwa tal-Iran’.
//= $special ?>