Lokali Parlament

Ninsisti mal-Gvern biex jaħtar inkjesta pubblika

Jerome Caruana Cilia, PN

Għaddew iktar minn 140 jum mit-traġedja li seħħet nhar it-3 ta’ Diċembru li g]adda u għadna ma smajna xejn minn min hu f’awtorità ħlief kliem fieragħ. Qas ħadd ma jista’ jimmaġina d-dulur li għaddejjin minnu ommu u missieru u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia, qal id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia fil-parlament.

“Ninsisti mal-Gvern, f’isem din il-familja, iżda mhux biss, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu, biex il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika. Iva trid tinħatar inkjesta pubblika ħalli tassew l-affarijiet jimxu bi trasparenza u mhux ħabi. Sur President, b’hekk naraw illi mhux biss issir ġustizzja ma’ Jean Paul, imma forsi jkun il-kas illi bir-rakkommandazzjonijiet li joħorġu naraw illi ħajjiet innoċenti oħra jiġu salvati u ma jkollniex xi vittmi innoċenti oħra tal-kilba”, sostna d-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.

Caruana Cilia qal li kienet ommu Isabelle, f’isem il-qraba li sejħet inkjesta pubblika. Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li f’isimha u f’isem il-familja għamel din it-talba waqt diskors fil-Parlament. Hu għamel mistoqsija parlamentari lill-Prim Ministru fejn b’mod ċar mill-ewwel wera li ma jridx inkesjta pubblika. L-għajta għall-inkjesta pubblika qed issir primarjament mill-familja u l-ħbieb tal-istess Jean Paul Sofia u minn dawk kollha ta’ rieda tajba.

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia reġa’ qara silta mill-ittra li Isabelle Bonnici, omm Jean Paul, bgħatet lill-Membri Parlamentari kollha, fejn qalet: “Ibni kien il-ħaruf tas-sagrifiċċju għax binja mibnija b’dawk in-nuqqasijiet kollha, setgħet twassal għal traġedja ħafna ikbar milli ġara. Għandkom l-għażla li lilna l-ġenituri tagħtuna ftit nifs jekk inkunu nafu li qed isir dak kollu possibbli biex ma jmutux iktar ulied. Għandkom l-għażla li tassew issaħħu l-fiduċja tal-familji Maltin u turu illi veru tridu pajjiż iktar b’saħħtu u sigur.”

IsabelleBonnici kompliet: “Din mhix kwistjoni ta’ kuluri għax nista’ nassigurakom li meta tagħmlu ħmistax-il siegħa tistennew biex joħorġu lil ibnek jew lill-ommok minn taħt it-tifrik l-ebda kulur ma jifdal ħlief iswed. Possibbli lesti tieħdu riskju fuq iben jew omm oħra?”

Id-deputat Nzzjonalista Jerome Caruana Cilia kkowta lil IsabelleBonnici meta qalet: “Jien lesta niltaqa’ ma min jixtieq jiddiskuti miegħi. F’idejkom issa! F’idejn kull wieħed u waħda minnkom. Jean Paul huwa ċittadin Malti u t-tifel tagħkom ukoll. Tinsewx!”