Raġel ta’ 27 sena mill-Veneżwela ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn mill-Maġistrat Nadine Lia wara li ammetta li kkaġuna ġrieħi gravi fil-konfront tas-sieħba tiegħu nhar it-Tnejn filgħodu permezz ta’ sikkina. L-Ispettur Sherona Buhagiar qalet li Daniel Alfonso Galipoli Rodriguez residenti l-Melieħa kellu xi jgħid mas-sieħba tiegħu wara li hu ssuspetta li sieħbu kien seraqlu xi flus u ddeċieda li joħroġ għalih b’sikkina.
Meta rat hekk il-vittma ipprovat teħodlu s-sikkina minn idejh bl-akkużat jispiċċa jigdimha u anke jolqotha f’subajha fejn sarulha xi punti. Huwa wara spiċċa biex għamel ħsara fuq il-mobile tal-partner tiegħu, li heddidha u li ħareġ il-barra mill-limiti ta’ provokazzjoni.
Meta l-Qorti staqsietu x’kien qed iwieġeb għall-akkużi miġjubin kontrih Rodriguez qal li kien qed jammetti l-akkużi. Il-Maġistrat Lia qaltlu li dan il-każ jista’ jwassal għal piena ta’ ħabs jew multa u għalhekk jekk irid, mingħajr ma jitfa’ l-ġebla fuq saqajh jista’ jbiddel fehmtu u jwieġeb mhux ħati, fejn il-każ imbagħad jiġi deċiż wara li jinstemgħu l-provi.
Il-Qorti nfurmatu dejjem permezz ta’ interpretu li jista’ jerġa jikkonsulta mal-avukat tiegħu Luke Valletta u jiddeċiedi jekk jikkonfermax l-ammissjoni tiegħu jew le.
Wara ftit tal-ħin jiddiskuti mal-avukat tiegħu l-Veneżwelan ikkonferma l-ħtija tiegħu. Dwar il-piena l-Ispettur Buhagiar qalet li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u li ma kellux l-intenzjoni li jweġġa’ lill-vittma, li minn naħa tagħha kienet qed tipprova tiddeffendi ruħha hekk kif kienet qed tipprova teħoldu s-sikkina minn idu. Kien bit-traskuraġni tiegħu li spiċċa biex weġġagħha.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ma kinitx qed titlob għal sentenza ta’ ħabs effettiva, iżda sentenza sospiża ta’ sena għal sentejn. L-Ispettur qalet ukoll li kienet qed titlob għal ordni ta’ trażżin favur il-vittma. L-Avukat Valletta filwaqt li qabel ma’ dak li qalet l-Ispettur Buhagiar qal li Rodriguez ġie Malta biex jaħdem, u li ma xtaqx li jkun f’din il-pożizzjoni meta seħħ dan l-inċident sfortunat.
Tenna li l-kondotta tiegħu hija waħda nadifa u li hu mhux se jkompli jgħix mas-sieħba tiegħu biex l-affarijiet ma jeskalawx. Il-Qorti qablet mal-partijiet u kkundannat lill-akkużat għal sena ħabs sospiżi għal sentejn u ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ sena.
//= $special ?>