Lokali

Direttur Komunikazzjoni ġdid tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kunsill Amministrattiv, wara rakkomandazzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, ilbieraħ filgħaxija appunta lil James Aaron Ellul bħala d-Direttur Komunikazzjoni l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Dan ġie konfermat fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino.

James Aaron hu ġurnalist u ggradwa fil-Lingwa Maltija mill-Università ta’ Malta. Fl-2022, hu ppubblika studju dwar is-Sistema Elettorali ta’ Malta, bit-tema prinċipali tkun ir-Riżultat Elettorali tal-2008. Fil-bidu ta’ din is-sena ppubblika l-ktieb bl-isem ta’ “Il-Kelma ta’ Eddie Fenech Adami”.

Preżentament hu jservi bħala Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Floriana. Hu kkontesta wkoll l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u għandu għal qalbu dak kollu li jsawwar l-identità Maltija, l-istorja, il-qari, kif ukoll il-futbol.

James Aaron Ellul se jkun qed jokkupa dan ir-rwol b’effett mit-2 ta’ Mejju.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lil James Aaron għar-rwol ġdid tiegħu.