Lokali Parlament

Erba’ ministri Laburisti ngannaw lill-poplu dwar l-Air Malta

Robert Cutajar, PN

Il-Whip tal-Oppożizzjoni d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-parlament li kienu erba’ l-ministri Laburisti li ngannaw lill-poplu u lill-ħaddiema dwar il-futur tal-linja nazzjonali Air Malta.

Robert Cutajar qal li l-wiegħda ta’ paga ugwali ma twettqitx fl-pajjiż mill-gvern Laburista fl-aħħar 10 snin u sostna li l-isfruttament tal-ħaddiema għandu jitwaqqaf irrispettivament minn jekk hux Malti jew barrani.

Jeżistu abbużi sfaċċati fis-settur tax-xogħol, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-ikbar kompetizzjoni li għandhom is-sidien tan-negozji hi propju mal-gvern għaliex il-gvern qed jieħu nies tajbin li setgħu kienu kruċjali għal sidien ta’ negozji li ħadu daqqa minħabba n-nuqqas ta’ aħddiema f’ċertu setturi.

Hu semma’ l-Air Malta u qal li din kellha erba’ ministri Laburistai fl-aħħar disa’ snin. Konrad Mizzi kien qal li joħlom lill-Air Malta fi New York meta l-gvern kien qed jidħak bil-poplu Malti.

Fl-Air Malta, il-PN kellu raġun jgħid li Labour won’t work, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-gvern għamel stqarrijiet ministerjali minn Edward Zammit Lewis li kien qal li l-gvern se jwettaq il-wiegħda elettorali Laburista tal-2013 li l-Air Malta tibqa’ l-linja nazzjonali u biex din tespandi f’kuntest reġjonali.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li se jkun il-poplu li se jħallas għal dawn in-nuqqasijiet u qal li Gvern Laburista ma kellux viżjoni dwar l-Air Malta. Robert Cutajar kompla li Edward Zammit Lewis qal ukoll li l-Air Malta se tkun mudell għal-linji tal-ajru oħra. Edward Zammit Lewis kien wiegħed ukoll li l-gvern Laburista se jwelled Air Malta ġdida.

Fl-2020, il-Ministru Silvio Schembri kien qal li l-Air Malta kienet miexja tajjeb skont il-pjan ta’ ristrutturar. Dan meta dan ma kien minnu xejn, sostna Robert Cutajar, li kompla li Konrad Mizzi kien qal ukoll li gvern Laburista se jkun qed jaħdem biex l-Air Malta tkun il-linja tal-ajru tal-Mediterran. Min ħa dawn id-deċiżjonijiet, illum ħarab, sostna Robert Cutajar.