Lokali

Il-Gvern jiddeċiedi li la jisma’ karba ta’ omm u lanqas il-karba tal-middle class

Ma jafux iwieġbu kemm inqatgħu mir-reġistru għax-xogħol mingħajr ma sabu impjieg

Ma rrid l-ebda omm tgħaddi mill-istess dulur li ili għaddejja minnu jien għal dawn l-aħħar 5 xhur – irridu li tinfetaħ inkjesta pubblika sabiex kull traġedja simili tiġi evitata akkost ta’ kollox.

Hija din il-karba ta’ Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia; iż-żagħżugħ li f’Diċembru tilef ħajtu taħt 4 sulari konkos wara li binja li kienet qed tinbena f’Kordin ikkollassat.

Iżda ġimgħa wara oħra u xahar wara l-ieħor il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jinjora l-karba ta’ din l-omm u l-appell ta’ sħab Jean Paul.

L-Erbgħa waranofsinhar Net News staqsa lill-Ministru tal-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi għalfejn qed jibqgħu jinjoraw dawn l-appelli…bil-Ministru jinħeba wara r-retorika ta’ Robert Abela u attakka lill-Maġistrat Marsanne Farrugia.

Net News insista għal liema raġuni b’rabta ma’ dan il-każ ma nġabar ħadd mill-Pulizija għajr żagħżugħ ħabib ta’ Jean Paul….wara li dendel banner quddiem il-Parlament isejjaħ għal ġustizzja favur sieħbu.

Iżda jekk il-Labour mhux jagħti każ il-karba ta’ din l-omm – wisq anqas qiegħed jagħti każ ir-realtà li l-familji Maltin u Għawdxin qed jgħaddu minnha wara l-ħitan ta’ djarhom b’rabta mal-għoli tal-ħajja u l-pagi.

Dan hekk kif skont il-backbencher Laburista Alex Muscat, il-Labour huwa l-partit tax-xogħol li jsaħħaħ il-middle class – iżda meta mistoqsi x’inhu jagħmel fid-dawl taż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali bħal dawk tal-ħasil u l-ikel Muscat ta’ x’jifhem li għandna nikkonslaw, għax iż-żieda mhux daqs il-bqija tal-Ewropa.

Esperti sostnew li huwa minnu li ż-żieda f’Malta mhux daqs ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn, iżda huwa fatt ukoll li ankè l-pagi f’Malta u Għawdex huma ħafna aktar baxxi meta mqabblin ma’ ta’ barra.

Intant, fl-istess konferenza, Alex Muscat ftaħar bit-tnaqqis ta’ ammont ta’ persuni li nqatgħu mir-reġistru tax-xogħol iżda meta kien mistoqsi kemm minn dawn il-persuni tneħħew mir-reġistru tax-xogħol mingħajr ma sabu impjieg ….ma kienx jaf iwieġeb.

Nies li tkellmu ma’ dan l-istazzjon spjegaw li hemm ammont ta’ persuni li tqaċtu mir-reġistru għaliex ma jkunux attendew għal xi kors mgħoti lilhom bħal fost oħrajn dwar is-self esteem u kif taġixxi waqt interview tax-xogħol.