Lokali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jżur il-ħaddiema u l-anzjani f’Casa Arkati

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla biż-żjarat qalb il-ħaddiema bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem …fejn tenna li l-PN verament jemmen li l-impjegati għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika.

L-Erbgħa filgħodu, Bernard Grech żar ir-residenza ta’ Casa Arkati fil-Mosta fejn intlaqa’ u ddawwar mis-CEO tal-kumpanija James Schriha, il-Manager tar-residenza Robert Grech, flimkien mal-ħaddiema tar-residenza.

Casa Arkati fil-Mosta toffri spazju perfett b’ġonna, kura u l-attenzjoni kollha lill-anzjani jkollhom bżonn.

Il-Kap tal-PN seta’ japprezza d-dedikazzjoni ta’ diversi profesjonisti u impjegati li jaħdmu f’din ir-residenza .. fejn b’kollox hemm 185 ħaddiem li ta’ kuljum jagħmlu x-xogħol tagħhom b’tant kburija u b’impenn assolut.

Bernard Grech spjega li l-isfidi li ħalliet il-pandemija wrew kemm huwa ferm importanti xogħol il-carers u l-infermieri… filwaqt li insista li l-apprezzament ċertament m’għandnix biss nuruhulhom bil-kiem biss, iżda għandna li naraw li l-kundizzjonijiet tagħhom jitjiebu – kwistjoni li l-Gvern qiegħed jinjora kompletament.

Akkumpanjat mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici u Ian Vassallo, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ntlaqa’ mir-residenti ta’ Casa Arkati bi tbissima fejn bosta rrakkontawlu l-esperjenzi tagħhom, u oħrajn spjegawlu kif iqattgħu l-ġurnata.

Bernard Grech tenna li għal Partit Nazzjonalista l-interessi tal-ħaddiema jiġu l-ewwel u qabel kollox – u huwa kommess u se jibqà jaħdem sabiex il-vuċi tal-ħaddiema fosthom l-impjegati fis-settur tas-saħħa tinstema’ u verament jingħataw dak kollu li jixraqilhom.