Lokali Parlament

Il-PN konsistenti favur l-għoti ta’ art lil Naxxar Lions FC għal faċilitajiet sportivi

Robert Cutajar, PN

Il-Whip tal-Oppożizzjoni u deputat Nazzjonalista Robert Cutajar sostna li l-PN baqa’ konsistenti favur l-għoti ta’ art lil Naxxar Lions FC għal faċilitajiet sportivi u għalhekk ivvota favur l-għoti ta’ art lil danil-klabb wara li kienet itteħditlu l-art ħdejn it-Trade Fair.

Fl-Aġġornament tal-parlament Robert Cutajar qal li fl-2010 Gvern Nazzjonalista kien ressaq riżoluzzjoni għal art lil Naxxar Lions ħdejn it-Trade Fair biex isir ground tal-football iżda Gvern Laburista bidel il-pożizzjoni u kien beda tentattiv biex jieħu din l-art. Hu qal li issa, fl-2023, il-PN baqa’ konsistenti u vvota favur biex Naxxar Lions jkollhom art oħra għal skopijiet sportivi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern Laburista ħalla l-art li kien għadda Gvern Nazzjonalista lil Naxxar Lions abbandunata u spjega kif anki l-MFA kienet se tinvesti €400,000 biex isiru l-faċilitajiet sportivi fin-Naxxar.

Hu qal li issa hemm ħafna iktar spejjeż biex isiru dawn il-faċilitajiet sportivi, sostna Robert Cutajar, li qal li anki fil-pitch tas-Sirens l-PN appoġġja l-għoti ta’ fondi lil dan il-klabb tal-waterpolo.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din il-pixxina qed tintuża wkoll mill-anzjani u mill-istudenti ta’ San Pawl il-Baħar u l-Qawra. Hu appella biex il-ħolma tan-Naxxarin li jkollhom ground tal-football titwettaq kemm jista’ jkun malajr.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li minflok il-ground tal-football ħdejn it-Trade Fair, issa se jkun hemm bini enormi jidher minn kullimkien. Il-gvern issa se jagħmel ċentru ta’ distribuzzjoni tal-Enemalta f’dn il-post, sostna Robert Cutajar, li appella biex ikun hemm il-konsultazzjoni meħtieġa wara li l-gvern ma rrispettax il-karatteristiċi taż-żona u ppermetta bini għoli esaġerat.