“Fejn jonqos Robert Abela, ħa nibqgħu Partit Nazzjonalista, nimbuttaw, nitkellmu, immexxu u naraw li kulħadd iwieġeb ta’ għemilu, għaliex mhux sewwa u mhux aċċettabbli li l-ħażin jirrenja u s-sewwa jiġi arrestat.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem l-Isptar San Luqa, fejn fakkar kif wara xahrejn mid-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-kuntratt frawdolenti tat-tliet sptarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela għadu jkaxkar saqajh … u għadu ma fetaħx kawża biex il-poplu jieħu lura l-miljuni li nsterqu.
Bernard Grech saħaq li Robert Abela għandu verament ikun il-Prim Ministru tal-poplu u mhux tan-nies korrotti u kriminali, u għalhekk għandu jagħmel dmiru u ma jibqax dgħajjef u jiprova jirredikola l-intelliġenza tal-poplu.
Il-Kap tal-PN appella lill-Gvern sabiex jieħu kull azzjoni meħtieġa biex iġib lura kull ċenteżmu li ngħata lil Vitals u Steward f’dan il-ftehim korrott u frawdolenti …. għax il-flus li nsterqu huma flus tal-poplu Malti u Għawdxi…u l-Gvern spiċċa uża flus il-poplu f’dan id-deal.
L-istess konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia illi fakkar kif wara xahrejn li ħarġet is-sentenza tal-Qorti li kkundannat id-deal li sar ma’ Vitals u Steward, il-Gvern baqa’ jiddefendi lill-frodisti u għadu ma ħa ebda responsabbiltà għal dak li seħħ.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li dan il-kuntratt frawdolenti ħalla dejn finanzjarju iżda wkol dejn fis-servizz tas-saħħa ta’ pajjiżna. Dan hekk kif is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei kulma jmur qiegħda dejjem tmur lura.
Din is-saga tal-isptarijiet hija raġuni oħra għalfejn nhar it-Tnejn li ġej, f’Jum il-Ħaddiem, se ssir attività tal-massa li se tieħu l-forma ta’ protesta quddiem l-isptar San Luqa – protesta għall-fatt li l-Gvern ta’ Robert Abela abbanduna lill-ħaddiem.
//= $special ?>