Lokali Qorti

Il-Qrati Maltin għandhom mijiet ta’ inkjesti Maġisterjali pendenti

Il-Qrati Maltin qed jesperjenzaw diffikultajiet tant kbar li hemm il-mijiet ta’ inkjesti Maġisterjali li għadhom pendenti, jistennew li jiġu fi tmiemhom. Fil-fatt, total ta’ 1,698 każ għadu miftuħ.

Dan ġie kkonfermat fil-Parlament wara mistoqsija li saret mill-Kelliem tal-PN għall-Finanzi, Jerome Caruana Cilia lill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, bid-data li ġiet ippreżentata turi kif f’dawn l-aħħar ħames snin, is-sitwazzjoni marret għall-agħar.

Mill-2017 ‘l hawn, l-inkjesti Maġisterjali bdew jaqgħu tant lura li sena wara sena, l-ammont ta’ inkjesti li baqgħu miftuħin bdew jiżdiedu bid-doppju.

Fil-fatt, fejn qabel konna naraw inqas minn 20 inkjesta Maġisterjali li jibqgħu pendenti, illum il-ġurnata qed naraw mal-għaxieren li qatt ma jaslu sa tmiemhom.

Mill-aħħar ħames snin biss hemm 1,572 każijiet miftuħin, bl-agħar sena s’issa tkun is-sena l-oħra b’total ta’ 574.

Hu fid-dawl ta’ dan li wieħed jistaqsi għaliex il-Prim Ministru, Robert Abela ilu l-ġimgħat jagħmel pressjoni fuq il-Maġistrat Marsanne Farrugia biex l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia tiġi fi tmiemha llum qabel għada… meta wieħed jara li din il-kriżi fil-Qrati Maltin ma bdejnix narawha lbieraħ.

Diversi maġistrati ilhom is-snin iwissu dwar is-sitwazzjoni fil-Qrati ta’ Malta li kulma jmur qiegħda tkompli tmur għall-agħar, b’mijiet ta’ kawżi jiġu posposti minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji.. b’Robert Abela, injora kompletament din is-sitwazzjoni tal-biki.

U minflok, fi ftit jiem, Abela rrimarka darbtejn li l-Maġistrat Marsanne Farrugia qed iddum wisq, u appella biex tikkonkludi l-proċess verbal malajr kemm jista’ jkun.