Futbol Sport

Inter l-ewwel finalisti tal-Coppa Italia

(Ritratt: EPA)

Inter huma l-ewwel finalisti tal-Coppa Italia meta fit-tieni leg tas-semifinali għelbu lir-rivali kbar tagħhom Juventus 1-0, biex b’hekk in-Nerazzurri għaddew b’aggregate ta’ 2-1.

Għal Juventus din kienet it-tieni telfa konsekuttiva fi spazju ta’ ftit jiem wara t-telfa fl-aħħar sekondi kontra Napoli nhar il-Ħadd.

Il-gowl rebbieħ ta’ Inter kien skorjat wara kwarta logħob minn Di Marco wara pass ta’ Barella. Għal Inter din kienet l-ewwel darba li eliminaw lil Juventus fl-istadju tas-semifinali tal-Coppa Italia, fejn fil-ħames okkażjonijiet preċedenti dejjem kienu Juventus li avvanzaw għall-finali.

Inter kien jimmerithom dan is-suċċess fejn fit-tieni taqsima Juventus ftit li xejn kienu perikolużi.

Issa b’hekk se jkunu Inter li fl-24 ta’ Mejju jmorru fl-Olimpico ta’ Ruma għal din il-finali, fejn probabilment jiltaqgħu kontra Fiorentina li llejla jkunu mpenjati fit-tieni leg tas-semifinali tagħhom kontra Cremonese.

Il-Vjola kienu rebħu l-ewwel leg ġimgħa ilu fi Cremona 2-0 u b’hekk huma l-favoriti li jkunu l-avversarji ta’ Inter fil-finali.