Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kremlin iżid it-theddid dwar ‘Tielet Gwerra Dinija’…

L-eks President tar-Russja Dmitry Medvedev qed jakkuża lill-Punent bħala l-kaġun għal sitwazzjoni kastastrofika li qed tiżviluppa filwaqt li tenna li l-umanità tinsab f’xifer ta’ Tielet Gwerra Dinjija.

Medvedev —  alleat kbir tal-President Russu Vladimir Putin — qal ukoll li d-dinja tinsab ‘eqreb ta’ olokawst nukleari milli tista’ taħseb’, fost it-tensjoni akuta li ilha x-xhur bejn il-Kremlin u l-Punent fir-rigward tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.

Sadanittant, kompliet tikber is-sitwazzjoni ta’ gwerra bierda oħra bejn ir-Russja u l-Istati Uniti wara li l-ajruplani militari tal-Kremlin, jiem ilu, waqqgħu drone tal-Amerikani. Dan ukoll meta  r-Russja u l-Istati Uniti qegħdin iwettqu t-titjiriet ta’ rutina bil-bombers nukleari .

Fl-istess ħin, żdiedet sew il-biża’ li Vladimir Putin għad jista’ juża l-armamenti nukleari strateġiċi fl-Ukrajna meta r-Russja qed tkompli titlef l-eluf tas-suldati waqt l-invażjoni tal-artijiet tal-ġar.

Medvedev, li hu wkoll eks Prim Ministru tar-Russja, bħalissa qed jokkupa r-rwol ta’ Viċi-Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà influwenti f’Moska. Hu ilu l-aħħar ġimgħat jinsisti li ‘il-Punent  jaħti għall-iżviluppi li qed iwasslu lid-dinja lejn apokalissi nukleari’ u li ‘din qed tkun imposta fuq il-poplu Russu minkejja li r-Russja ilha tipprova tevita Tielet Gwerra għal 30 sena’.

Medvedev kompla li t-theddida mill-bidliet tal-klima mhuma xejn ħdejn it-theddida immedjata ta’ gwerra nukleari li qed tikber minn ġurnata għall-oħra, Fl-istess ħin, hu akkuża lill-Punent b’li ‘ma imxietx b’mod xieraq mar-Russja’ u li ‘qatt ma tat każ l-appelli ta’ Moska.’

L-osservaturi barranin, sadanittant, jemmnu li l-kliem ta’ Medvedev mhumiex sempliċi retorika aggressiva u meta r-Russja – permezz tal-Kremlin u l-propagandisti f’Moska – għamlitha ċara diversi drabi li ‘tinsab ippreparata biex tuża l-armi nukleari’.