Internazzjonali

Is-Sudan: Eżodu kontinwu ta’ nies…bil-gwerra għadha imdendla fuq ras il-poplu

Eluf ta’ Sudaniżi u barranin, fl-aħħar sigħat, kienu qed jagħmlu minn kollox biex joħorġu mis-Sudan waqt li għadu effettiv il-ftehim għal waqfien mill-ġlied li ntlaħaq fil-bidu tal-ġimgħa – u liema ftehim kien mistenni jisfaxxa minn ħin għall-ieħor.

Il-ftehim kien intlaħaq bejn l-Armata tas-Sudan u l-grupp RSF tal-paramilitari li jridu jieħdu l-kmand tal-pajjiż minn idejn il-Ġeneral Ewlieni Abdel Fattah al-Burhan – li hu wkoll il-mexxej de facto  tas-Sudan.

Mifhum li numru ġmielu ta’ Ewropej, fl-aħħar sigħat, kienu evakwati minn Khartoum u bnadi oħra tas-Sudan waqt li xi 2,000 persuna minn 50 pajjiż qasmu mill-Baħar l-Aħmar lejn Jeddah. Il-vjaġġ kien possibbli permezz ta’ bastiment ipprovdut mill-Arabja Sawdija.

Madankollu, is-sitwazzjoni għadha ddisprata għal ħafna Sudaniżi li għadhom qed jgħixu f’Khartoum u li qed jispiċċawlhom l-ilma u ikel f’kundizzjonijiet ta’ gwerra ċivili.

Dan meta għexieren ta’ eluf ta’ Sudaniżi għadhom qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Eġittu, iċ-Chad, l-Etjopja u s-Sudan t’Isfel biex jaħarbu mid-dmija li żbruffat f’pajjiżhom fil-15 ta’ April.

Il-konflitt bejn l-Armata u l-paramilitari fis-Sudan sallum irriżulta f’mijiet ta’ mejtin u eluf tal-midruba.

Sadanittant, l-Armata u l-Pulizija fis-Sudan qed ifittxu għall-priġunieri li ħarbu waqt l-aħħar ġranet ta’ ġlied u li jinkludu l-eks Ministru Sudaniż Ahmed Haroun li hu suspettat dwar reati tal-gwerra.  Dan wara li l-Ministeru tal-Intern Sudaniż stqarr li l-paramilitari tal-RSF kienu daħlu f’diversi kumplessi ta’ ħabs fejn ħelsu numru mhux determinat ta’ priġunieri – fosthom kriminali perikolużi għall-aħħar.

L-Armata Sudaniża, intant, qalet li s-sitwazzjoni tinvolvi theddida kbira għas-sigurtà tal-poplu u li l-militar qed jikkoordina mal-pulizija biex jinqabdu l-priġunieri maħruba.