Ivan Castillo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-parlament li x-xogħol li qed jinħoloq fil-pajjiż mhux ta’ kwalità.
Ivan Castillo qal li x-xogħol li qed jinħoloq mhux ta’ kwalità fejn 52% tal-ħaddiema m’għandhomx paga minima waqt li 70% tal-ħaddiema minn barra l-UE huma ferm ‘il bogħod mill-paga minima. Irid ikun ikkunsidrat ukoll kemm daħlu ħaddiema mal-gvern u mal-awtoritajiet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-pagi tal-ħaddiema m’humiex dawk mixtieqa.
Id-deputat Nazzjonalista qal li Malta għandha l-inqas żieda fil-paga minima fl-UE u l-ogħla rata fl-UE ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola. Hu appella biex il-pajjiż jikkunsidra l-proposti li hemm f’pajjiżi barranin minħabba nuqqas ta’ twelid. Irid ikun ikkunsidrat li koppji żgħażagħ llum ma jaffordjawx li jkollhom it-tfal.
Fl-2021kien hemm 656 żgħażagħ telqu mill-pajjiż u ma reġgħux ġew lura meta dawn kellhom l-abbiltà u l-kapaċità li jkunu parti mis-soluzzjoni tal-pajjiż. Hu tkellem dwar il-persuni b’diżabbiltà u appella lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana biex jifhem il-kwalità ta’ xogħol li qed jingħataw fejn m’humiex jtħallew ikunu produttivi iżda qed ikunu impjegati biss minħabba r-regoli. Il-ħaddiema Malti mhux numru, sostna Ivan Castillo, li kompla li Jobsplus għandha tinvesti iktar fit-taħriġ.
Gvern Laburista innifsu qed joħloq impjiegi ta’ kwalità, sostna d-deputat Nazzjonalista, li enfasizza l-importanza tas-sħubija bejn l-edukazzjoni u l-industrija. Hu appella biex il-ħaddiema barranin li nġiebu Malta jingħataw it-taħriġ meħtieġ biex jintegraw fis-settur tax-xogħol f’Malta.
Ivan Castillo semma’ l-platform workers u qal li dan hu skjavitu modern fejn jirriżulta li dawn il-ħaddiema qed jitħallsu bit-€3 kull siegħa. Dan meta ftit xhur qabel il-Prim Ministru qal li l-couriers tal-ikel se jingħataw paga minima.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern kien imwissi li din il-liġi mhix se taħdem iżda baqa’ għaddej. Hu qal li l-akbar problema li teżisti hi n-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa meħtieġa.
Ivan Castillo semma’ d-diversi kwistjonijiet industrijali li seħħu fl-aħħar ġimgħat u qal li l-gvern m’għandhux pjan alternattiv għall-ħaddiema tal-Air Malta. Hu kompla li l-infermiera, l-pulizija u l-għalliema u qal li dawn huma ħaddiema essenzjali iżda l-gvern qed jippretendi li l-infermiera jaħdmu 56 siegħa. Il-gvern Laburista m’għamel xejn għal 10 snin fuq dawn il-problemi; fis-settur edukattiv se jkun hemm problemi kbar daqs dawk tal-infermiera, sostna Ivan Castillo, li kompla li dan se jseħħ minħabba nuqqas ta’ investiment.
Il-gvern abbanduna wkoll lill-pulizija fejn minħabba nuqqas ta’ investiment ir-rata ta’ kriminalità splodiet u fejn il-pulizija lanqas jistgħu jieħdu leave, sostna Ivan Castillo.
//= $special ?>