“Kelli l-aqwa raġel b’karattru kariżmatiku. Kien jgħidli hemmhekk, fl-ilma, insib naqra paċi mill-ġenn tal-ħajja, għax hemmhekk ma tisma’ xejn.”
Kien b’dan il-mod li mart Christian Degabriele ddiskriviet lil żewġha; il-bugħaddas li fil-11 t’Awwissu li għadda kien tilef ħajtu f’San Pawl il-Baħar wara li ntlaqat minn xi opra tal-baħar.
Catherine Degabriele spjegat ma’ Net News kif l-iktar memorja għal qalbha ma’ żewġha tibqa’ l-mument li kellhom lil binthom, li llum il-ġurnata għandha 8 snin. Bintu li għalih kienet il-prinċipessa tiegħu.
“Lil binti serqulha lil missierha u qatt ma tista’ ġġibu lura”
Catherine qaltilna kif għall-bintha, din l-esperjenza ma kinitx waħda faċli u xhur wara tibqa’ tixtieq lil missierha lura f’ħajjitha.
“Taqbad mobile tat-toys u tgħidlu – x’hemm hemm fuq? Kif int? Min jaf x’qed tagħmel! Qed tgħum?” qalet Catherine.
Catherine qaltilna kif f’bintha tara lil Christian hekk kif għandhom karattru verament simili, kariżmatika u avventuruża.
X’ġara dakinhar tal-inċident?
Normalment, Christian kien imur jgħodos waħdu iżda dakinhar għażel li jmur ma’ kollega tiegħu. Ftehmu li jmorru jgħoddsu bin-nifs fl-istess zona iżda għażlu li jmorru direzzjonijiet separati u ftehmu li jiltaqgħu lura fil-5:30pm.
Madanakollu, fil-ħin li kellhom jerġgħu jiltaqgħu ħdejn id-dingy, Degabriele qatt ma rritorna. Kien hemmhekk fejn sieħbu sab il-ħabel tal-baga ta’ sieħbu maqtugħ u rrealizza li ġara xi ħaġa.
Sieħbu kkuntattja lill-kollegi fl-AFM fejn bdiet operazzjoni ta’ tfittxija fiz-zona ta’ fejn ġie nieqes Degabriele. Sfortunatament, il-lejl kien se jtellef wisq fl-operazzjoni u kien għalhekk li kellhom jissospendu t-tfittxija sal-għada filgħodu.
“Is-soltu jsalvaw lin-nies, iżda dakinhar kellhom isalvaw lil kollega tagħhom stess,” qalet Catherine.
Minkejja li l-operazzjoni waqfet għal ftit sigħat mal-lejl, moħħ martu ma waqafx. Anzi, baqgħet tewden x’setgħa ġara minn żewġha.

Kif iltaqgħu Catherine u Christian?
Bi tbissima fuq fommha, Catherine ħaditna lura meta l-koppja ltaqgħu lura fl-2012. Catherine kellha 24 sena u Christian kellu 25 sena meta t-tnejn kienu ma’ sħabhom f’ristorant partikolari. Lejla sħiħa qattawha jħarsu lejn xulxin meta fl-aħħar tal-ikla, Christian għamel kuraġġ, kiteb in-numru tal-mobile tiegħu u mar itih lil Catherine, jitlobha biex iċċempillu ħalli joħorġu flimkien. Daqs tliet snin wara, binthom Clarissa kienet fi ħdanhom.
Il-ħolma ta’ Christian kienet li meta jirtira mill-armata, il-familja tmur tgħix Sqallija. Liema ħolma, sfortunatament, qatt ma kellu ċ-ċans jasal għaliha.
“Qisu siefer u xi darba se jiġi lura.”
Catherine spjegatilna kif normalment, Christian kien imur jgħodos kull nhar ta’ Sibt iżda dik il-ġimgħa għażel li jmur il-Ħamis minħabba li kienet imsemmija maltempata fi tmiem il-ġimgħa. Il-baħar kien iħobbu ħafna tant li kien iħossu fil-paċi ‘l bogħod mill-ġenn tal-ħajja ta’ kuljum. Iżda min kellu jgħidlu li l-passatemp li tant kien iħobb kellu jieħodlu ħajtu darba għal dejjem?
Dakinhar li ntilef, kellhom pjanat li jagħmlu bbq għall-familja, iżda kollox sfaxxa fix-xejn, hekk kif Christian qatt ma rritorna lura d-dar.
“Il-ferità qatt mhi se tingħalaq,” qalet Catherine. “Irrid li ssir ġustizzja ma’ żewġi. Nittama li min hu responsabbli, tħossu l-kuxjenza u jitkellem.”
