Lokali

“L-intrapriża privata hija mutur ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

“Il-Gvern għandu bżonn jagħraf li l-intrapriża privata hija mutur ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel lill-fabbrika tat-tessuti Bortex hekk kif komplew iż-żjarat li qed jagħmel Bernard Grech bi tħejjija għall-1 ta’ Mejju. Hu kien akkumpanjat mid-deputati David Agius, Ivan Castillo u Robert Cutajar.

Waqt din iż-żjara, Bernard Grech qal li Partit Nazzjonalista mmexxi minnu se jibqa’ jaħdem favur il-privat sabiex kull persuna tkun tista’ twettaq l-idea tagħha. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-kreattività u kien hawnhekk fejn fakkar lill-Gvern li għandu obbligu li jagħti klima tajba għat-tkattir ekonomiku.

Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ hemm għaż-żgħir sabiex verament tingħata s-saħħa lill-ħaddiem – it-tema li fil-fatt ġiet magħżula għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-1 ta’ Mejju.