Lokali Parlament

Malta bl-inqas żidiet fil-pagi fiż-żona Ewro

Jerome Caruana Cilia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jermone Caruana Cilia sostna fil-parlament li Malta qed ikollha l-inqas żidiet fil-pagi meta komparat maż-żidiet fil-pagi fl-Ewropa u għalhekk Malta kellha l-inqas żidiet fil-pagi fiż-żona Ewro.

Jerome Caruana Cilia qal li l-istatistika tal-Eurostat turi li l-pagi fl-UE żdiedu b’4.4% waqt li fiż-żona Ewro żdiedu b’4%; Malta tinsab l-aħħar fiż-żona Ewro f’dan is-settur fejn is-sena li għaddiet kien hemm l-inqas żidiet fil-pagi tal-ħaddiema.Dan meta kien hemm rata għolja ta’ inflazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista semma r-rapport annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fejn stabilixxa li l-paga reali fil-pajjiż naqsu f’kull settur ħlief fl-agrikoltura u f’dan finanzjarji u tal-assigurazzjoni. L-istatistika tal-NSO tikkonferma wkoll li fl-2022 ir-rata ta’ nuqqasijiet soċjali kienet ta’ 10% waqt li dik ta’ nuqqasijiet bażiċi severi kienet ta’ 5%. Is-sena li għaddiet il-persuni li jgħixu f’dar li kienu mċaħħda minn affarijiet bażiċi kien ta’ 25,000.

Fl-2022, iktar minn 170,000 persuna kienu jgħixu f’dar li fiha l-familja ma tistax tħallas ġimgħa vaganza waqt li 80,000 persuna oħra kienu jgħixu f’familji li ma jistgħux jiffaċċjaw spejjeż mhux mistennija ta’ €770. Ir-rata tal-għoli tal-ħajja kienet iktar minn dik li biha żdiedu l-pagi u għalhekk il-ħaddiema marru lura u mhux ‘il quddiem.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li n-nies għajjew bil-kliem żejjed u bil-propoganda tal-gvern waqt li dawk viċin il-gvern komplew jiffangaw mit-taxxi tal-poplu. Hu sostna li l-PN jaqbel ma’ kull għajnuna li tingħata lill-familji u lin-negozji.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern moħħu biss biex jirribatti l-iskandli tal-korruzzjoni li qed jiffaċċja. Id-dejn qabeż id-€9 biljuni; żieda ta’ €9 miljuni fuq is-sena ta’ qabel. Il-gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex il-gvern iwaqqaf il-ħela lil tal-qalba għaliex dan id-dejn jista’ jagħti daqqa ta’ ħarta lill-kompetittività tal-pajjiż.

Il-gvern għandu jispeċifika jekk hux se jneħħi iktar fondi minn dak allokat, sostna Jerome Caruana Cilia, li qal li l-UE għalqet għajnejha għall-fatt li pajjiż ma jimxux mal-kriterji finanzjarji minħabba l-pandemija u minħabba l-invażjoni Russa fl-Ukrajina. Din id-deċiżjoni mhix se tibqa’ hekk għal dejjem u għalhekk se jkun hemm sfidi.

Il-Kummissjoni Erwropa issa ħarġet regoli mal-Patt ta’ Stabilità fejn jista’ jkun hemm pjan skont il-pajjiżi, jidher li l-miri dwar id-dejn se jibqgħu hemm. Sal-aħħar ta’ din is-sena d-dejn se jmiss l-€10 biljuni; il-gvern qed iħallas iktar minn €3 miljun fil-ġimgħa imgħax fuq dan id-dejn. Dan id-dejn hu mażżra mal-ġenerazzjonijiet futuri, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-kultura li kulħadd qed jitħanżer qed titħallas minn fuq il-ħaddiem.