Futbol Sport

Man. City jiddominaw kontra l-leaders Arsenal

(Ritratt: EPA)

Manchester City urew il-qawwa kollha tagħhom meta ġabu fix-xejn lil-leaders tal-klassifika Arsenal meta għelbuhom 4-1 f’dan il-konfront dirett tant mistenni.

B’hekk iċ-champions Manchester City baqgħu miexjin fil-mixja tagħhom lejn ir-rebħ tat-treble hekk kif huma finalisti tal-FA Cup kontra Manchester United, jinsabu fis-semifinali tal-UEFA Champions League kontra Real Madrid, u issa jinsabu ferm favoriti li jżommu t-titlu ta’ champions tal-Ingilterra.

Arsenal għadhom fil-quċċata tal-klassifika iżda l-vantaġġ tagħhom fuq Man City hu issa biss ta’ żewġ punti, u bil-Gunners li lagħbu żewġ logħbiet iktar ukoll.

Il-logħba mill-ewwel marret fl-andament li xtaq il-manager ta’ Man City Pep Guardiola hekk kif wara biss seba’ minuti logħob kien Kevin De Bruyne li fetaħ l-iskor wara pass ta’ Haaland. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Manchester City kabbru l-iskor meta Stones skorja b’daqqa ta’ ras preċiża.

Tista’ tgħid li l-logħba kienet mingħajr storja u disa’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Haaland reġa’ żmarka lil De Bruyne li skorja b’xutt fil-baxx. Erba’ minuti mit-tmiem gowl ta’ konsolazzjoni għall-Gunners permezz ta’ Holding, iżda fil-ħames minuta ta’ ħin miżjud kien Haaland li niżżel ismu mal-iskorers biex skorja r-raba’ gowl taċ-champions.

Fil-logħbiet l-oħra rebħa prezzjuża ta’3-1 għal Nottingham kontra Brighton, b’gowls ta’ Danilo, penalty ta’ Gibbs-White u awtogowl ta’ Gross.

Brighton kienu fetħu l-iskor permezz ta’ Buonanotte.

Anki West Ham fetħu l-iskor kontra Liverpool b’xutt bomba ta’ Paqueta, iżda ftit wara Gakpo kiseb id-draw b’xutt fil-baxx. Il-gowl tar-rebħa ta’ Liverpool fl-Olympic Stadium ta’ Londra kien skorjat minn Matip b’daqqa ta’ ras stupenda minn azzjoni ta’ korner.

Fl-aħħar nett, disfatta oħra għal Chelsea li tilfu fi Stamford Bridge, 0-2 kontra Brentford bil-gowls tal-Bees jaslu minn awtogowl ta’ Cesar Azpilicueta fis-37 minuta u gowl ieħor ta’ Bryan Mbeumo fot-78 minuta.

Riżultati :

Nottingham v Brighton 3-1

Chelsea v Brentford 0-2

West Ham v Liverpool 1-2

Man City v Arsenal 4-1