Nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Mejju, fis-6.30pm, fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria, l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Anton Teuma, se jmexxi l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Matthew Bajada, li huwa mill-Parroċċa taż-Żjara tal-Verġni Marija, l-Għarb.
Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 11 ta’ Mejju, fit8.00pm, fil-Grawnd tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Wara, mill-10pm sas-7am tal-għada, ikompli Lejl ta’ Adorazzjoni b’talb għall-ordinand fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri.
Kemm l-Ordinazzjoni u kemm il-Velja se jkunu mxandra fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex – YouTube u Facebook, kif ukoll fuq Radju Marija 102.3FM.
Imbagħad, fit-23 ta’ Ġunju se tinżamm fid-Djoċesi ta’ Għawdex l-Ordinazzjoni Djakonali, li dettalji dwarha jingħataw ’il quddiem.
F’Mejju 2014 ressaq it-talba tiegħu biex jibda l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, u f’Ottubru ta’ dik is-sena beda s-sena propedewtika. F’Mejju 2015 reġa’ ressaq talba oħra biex jibda l-kors ta’ formazzjoni għas-saċerdozju fl-istess Seminarju, li bdieh f’Settembru ta’ dik is-sena. Matul l-ewwel sena ta’ formazzjoni għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat, waqt li fit-tieni u fit-tielet sena għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra.
Bejn Settembru 2018 u Lulju 2019 għex l-esperjenza tas-sena intermedjarja f’komunità ta’ L’Arche f’Bologna, l-Italja, fejn bħala voluntier għex u ħadem ma’ persuni b’diżabbiltà fiżika u mentali u ma’ dawk li jassistuhom. Bejn Settembru 2019 u Ġunju 2020 għex esperjenza ta’ sena intermedjarja oħra fil-komunità terapewtika u riabilitattiva Casa del Giovane f’Pavia, l-Italja, li prinċipalment tilqa’ fiha persuni b’dipendenzi ta’ droga, alkoħol, u logħob tal-azzard, fost l-oħrajn.
Lura mis-sentejn intermedjarji, f’Settembru 2020 kompla l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex u għamel esperjenza pastorali ta’ sentejn fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala. Irċieva l-ministeru tal-Lettorat minn idejn l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma nhar il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2021 fil-Knisja parrokkjali ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri. Ġie istitwit bħala Akkoltu mill-istess Isqof nhar il-Ħadd 12 ta’ Diċembru 2021 fil-Bażilika u Kolleġġjata tal-Viżitazzjoni, l-Għarb. Nhar is-Sibt 30 ta’ April 2022 ġie ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.
Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju 2022 ġie ordnat Djaknu mill-Mons. George Frendo OP, Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durrës. F’Lulju 2022 għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa tat-Tlugħ tal-Verġni Marija fis-Sema, il-Mosta. F’Settembru 2022 beda jagħmel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, fejn għadu sal-ġurnata tal-lum.
//= $special ?>