Lokali Qorti

Rebħa għall-poplu Gżirjan: Ġiet konfermata d-deċiżjoni li l-Ġnien se jibqa’ tal-pubbliku

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva li kien annulla deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet li tieħu lura parti mill-Yacht Marina Garden li kien inkera lill-kunsill lokali tal-Gżira. L-awtorità kienet riedet tuża 902 metru kwadru tal-ġnien għar-rilokazzjoni ta’ pompa tal-petrol.

Il-Qorti qalet li konsultazzjoni minn qabel mal-kunsill lokali tal-Gżira kellha tkun il-minimu li kien mistenni mill-Awtorità tal-Artijiet. Iddikjara wkoll li peress li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet kellha impatt fuq il-pubbliku inġenerali inkluż ir-residenti tal-Gżira li jiffrekwentaw il-ġnien l-awtorità kellha timxi ma’ “livell ogħla ta’ trasparenza, raġonevoli u rispett għall-ġustizzja naturali.”

Il-Qorti osservat li kieku t-tribunal ma waqqafx lill-Awtorità tal-Artijiet milli tieħu lura parti mill-ġnien, l-art inkwistjoni kienet tkun sempliċiment rilaxxata “mingħajr ebda reazzjoni, sempliċiment fuq il-bażi ta’ talba bil-miktub ta’ awtorità pubblika li l-funzjoni tagħha għandha tkun dik li tamministra art pubblika fl-interess tal-ġid komuni.”

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet ma kinitx “att ta’ amministrazzjoni tajba, partikolarment meta wieħed iqis li l-kunsill lokali huwa organu rappreżentattiv li jrid iwieġeb lura lir-residenti li jirrappreżenta għal kull deċiżjoni li joġġezzjona għaliha jew japprova, ” qalet il-Qorti.

Il-Kunsill kien urtat ħafna li l-Gvern kompla għaddej biex appella mid-deċiżjoni fejn akkost ta’ kollox ried jieħu parti mill-ġnien. Is-Sindku kien ukoll spiċċa urtat li l-President tal-Partit Laburista, l-avukat Ramona Attard li tirrapreżenta l-Awtorita’ tal-Artijiet kienet qed tonqos lejn il-poplu tal-Gżira.

Meta l-pressjoni kompliet minn naħa tal-Awtorità tal-Artijiet Borg Manche’ qal li hu u l-kunsill lokali kollu qed jiġġieled biex art tal-poplu ma tinqeridx għall-ħniżrija ta’ negozjant u min qed jirrapreżentah. Kien qal ukoll li membri għoljin tal-Partit Laburista ħaduha kontra tiegħu għax waqaf lill-awtoritajiet.

“Ninsab skantat kif jeżistu nies fil-Partit Laburista li jaslu biex ibiegħu, jissagrifikaw u jumiljaw lil ħuthom fl-istess partit biex jinqdew huma u jaqdu negozjant”. Huwa kien ukoll qed jiġi akkużat minn sħabu laburisti li qed jaqla’ ħafna nkwiet għax ma jbaxxiex rasu għal dak li jgħidulu mil-Partit Laburista.

Manche kien pubblikament qal li dan l-aġir il-Partit Laburista mhux qed jagħti prijorita’ lil ambjent u ma jistax jemmen kif nies għolja fil-Partit Laburista lesti li jeqirdu l-uniku ġnien u l-uniku pulmun li għandha l-lokalita’ tal-Gżira. Dan ukoll huwa dritt tal-poplu, speċjalment dak Gżirjan, li jkollu spazji ħodor miftuħa u mhux kullimkien mibni issa anke biex jagħmlu pompa tal-petrol.

Borg Manche’ kien qal ukoll li l-Avukat Ramona Attard qed tagħmel att kontra l-prinċipji soċjalisti meta qed tiġġieled biex teqred ġnien pubbliku li ilu jservi lill-poplu għal aktar minn 120 sena. L-Avukat Claire Bonello assistiet lill-Kunsill Lokali tal-Gżira.