Lokali

SKANDLU PILATUS: Il-Kummissarju għadu jrid jispjega r-raġuni għaliex ma mexxewx kontra Antoniella Gauci

Wara ġimgħa u nofs fis-silenzju, issa qed jinsisti li ma kien hemm ebda cover-up

Kellhom jgħaddu ġimgħa u nofs biex il-Kummissarju Angelo Gafà jikser is-silenzju dwar l-iskandlu Pilatus, u l-allegazzjonijiet ta’ cover-up li kien maħdum biżżilla bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija. Bil-Kummissarju jgħid li għadu jrid jispjega għaliex ma mexxewx kontra l-eks uffiċjal ta’ dan il-bank, Antoniella Gauci.

L-akkuża ħarġet mill-ktieb illi ġie ppubblikat aktar kmieni dan ix-xahar min-nutar Robert Aquilina, u sa issa l-Kummissarju Gafà kien għadu ma lissinx kelma waħda rigward il-fatt li l-Pulizija ma mexxewx. U kien biss wara l-pressjoni tal-media li bagħat ċaħda permezz ta’ email, fejn qalilna li “kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-membri tal-Korp ġiet spjegata fil-fora rispettivi, inkluż fi proċeduri ġudizzjarji” li għaddejjin bħalissa. 

Fil-fatt, dawn il-proċeduri qed isiru fil-Qorti wara bibien magħluqa, u allura qatt ma se nkunu nafu r-raġunijiet vera wara d-deċiżjoni tan-nolle prosequi.

Antoinella Gauci kienet Risk Manager tal-bank Pilatus, u kienet il-mara li nqabdet ma’ Ali Sadr fil-famuż filmat tal-2017, meta huma dehru jaħarbu mill-bank Pilatus fis-satra tal-lejl. Dak iż-żmien, il-bank kien qed jaffacja akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus. U l-uniku ufficjal li tressqet il-Qorti sa issa hija Claudanne Sant Fournier.

Fil-ktieb tieghu, in-nutar Aquilina jgħid illi kemm missier Antoniella Gauci u kemm ħuha, kienu klijenti u kanvasers ta’ Robert Abela. Bl-awtur jindika li dan possibbilment kien fattur li wassal lill-Avukat Ġenerali toħroġ l-ordni imsejħa nolle prosequi sabiex il-Pulizija ma jmexxux bl-akkużi kontriha b’rabta mal-iskandlu tal-bank Pilatus – bank li tant kien involut fi stejjer gravi illi spiċċa ingħalaq, u kellu l-liċenzja tiegħu irtirata.

L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg għadha ma lissnet ebda kelma dwar dan l-allegat cover-up. Filwaqt li l-Prim Ministru minn naħa tiegħu ammetta li hu kien avukat tal-familja Gauci.