Għawdex Lokali

“Huwa ċar li l-Labour m’għandux idejh fuq il-polz tal-poplu”

Il-Kumitat Sezzjonali tal-PN fix-Xagħra Għawdex stqarr illi jinsabu maħsuda bir-riżenja tas-Sindku tal-lokalità tax-Xagħra Christian Zammit.

“Wieħed irid jirrimarka li għalkemm is-Sindku ma kienx parti mid-dar politika tal-Partit Nazzjonalista dejjem sibna fih widna li tisma kull suġġeriment u opinjoni fid-diversi diskussjonijiet li kellna miegħu. Minn hawn nawgurawlu u nirringrazzjawh tas-servizz li hu ta lil-lokalità tax-Xagħra.”

Fi stqarrija fuq il-media soċjali, intqal illi Zammit ma kienx jiddejjaq jitkellem fuq kwistjonijiet li kienu importanti għan-nies kemm tal-lokalità u kemm tan-nazzjon. F’għajnejn il-Partit Laburista dik probabli hija l-unika ħtija li kellu Christian Zammit.

“Jidher ċar li l-Partit Laburista m’għandux idejh fuq il-polz tal-poplu u kif qal Sindku Laburista ieħor, qed imur kontra n-nies u mhux jaħdem għan-nies. Dan kif rajna fil-kwistjoni tal-isptar t’Għawdex fejn il-Gvern għażel li jmur kontra n-nies għal tliet snin sħaħ waqt li kien qed jippompja l-miljuni f’kuntratt frewdalenti.”