Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad talba li testijiet f’laboratorju fuq 20 kilo cannabis u tliet kilos eroina jiġu dikjarati nulli

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza li fiha ċaħdet it-talba ta’ raġel ta’ 46 sena minn Ħal Qormi li kien qed jikkontendi li testijiet tad-droga li saru f’laboratorju jiġu dikkjarati nulli. Dan minħabba li l-laboratorju tal-Pulizija mhux konformi ma’ l-istandards Ewropej anke fejn jidħlu l-ħiliet ta’ min jagħmel tali testijiet. L-appell kien sar minn Etienne Farrugia li għandu jgħaddi ġuri fuq traffikar ta’ droga, fl-ammont ta’ 20 kilo cannabis u tliet kilos eroina.

Dawn il-proċeduri ilhom għaddejjin sa minn Novembru 2018 u l-analiżi tas-sustanzi illeċiti saret mill-espert forensiku Dr. Godwin Sammut nhar id-29 ta’ Jannar 2019. Il-Qorti qalet li qatt qabel l-istadju tal-eċċezzjonijiet preliminari ma tqajjem dubju mid-Difiża tal-akkużat dwar il-kwalifiċi tal-espert nominat mill-Maġistrat Inkwirenti jew dwar il-ħiliet tiegħu.

Il-Qorti Kriminali kienet qalet li iżda għalkemm kif intqal, huwa deżiderabbli li din il-ġurisdizzjoni tadotta wkoll standards ogħla, inkluż bl-akkreditazzjoni tal-laboratorji li fihom issir l-analiżi ta’ sustanzi illeċiti, u sa issa ma jirriżultax li hemm obbligu fuq din l-istess ġurisdizzjoni sabiex it-testijiet fuq sustanzi illeċiti jsiru ġewwa laboratorji akkreditati.

Għalhekk it-testijiet u konklużjonijiet milħuqa mil-laboratorji Maltin ma jistgħux jiġu meqjusa bħala difettużi jew li saħansitra jwasslu għan-nullità tal-proċeduri. Mix-xhieda tal-istess Dr. Godwin Sammut – wara talba li saret f’dan is-sens mid-Difiża tal-akkużat – jirriżulta li l-analiżi tas-sustanzi illeċiti saret b’mod akkurat u b’rispett totali lejn l-istandards u rakkomandazzjonijiet internazzjonali, liema standards jeħtieġ li jiġu segwiti u osservati indipendentment mill-akkreditazzjoni tal-laboratorju.

Anzi, kif jispjega l-espert forensiku stess Dr. Sammut, il-fatt li laboratorju ikun hemm akkreditat ma jkunx ifisser illi jkun eżenti huwa wkoll milli jaderixxi għall-obbligi ta’ ikkalibrar tal-apparat utilizzat u sistema ta’ verifika. Dwar dan il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef  Mark Chetcuti u l-Imħallfin, Edwina Grima u Giovanni Grixti qablet b’mod komplet mad-deċiżjoni oriġinali tal-Imħallef Aaron Bugeja.

L-akkużi fil-konfront tal-akkużat

Farrugia qed jiġi akkużat li fid-29 ta’ Novembru ta’ l-2018 fuq informazzjoni li daħlet lill-Pulizija ta’ kontra d-Droga, lill-Ispettur Frank Anthony Tabone dwar allegat traffikar ta’ droga, l-imsemmi Spettur ta struzzjonijiet lill-iskwadra tiegħu biex toqgħod għassa u ssegwi l-movimenti ta’ ċertu Etienne Farrugia.   

L-akkuża tgħid li Farrugia kien ġie nnutat qed jagħmel użu minn vann tal-għamla Toyota Hiace fejn għall-ħabta tal-3.45pm deher jipparkja l-imsemmi vann quddiem garaxx ġewwa Ħaż Żebbuġ u ftit tal-ħin wara deher idaħħal borża mdaqqsa fil-vann.

Wara saq fid-direzzjoni ta’ Santa Luċia fejn deher javviċċina karozza Toyota Vitz ħamra liema vettura kien għamel kuntatt magħha aktar kmieni dik il-ġurnata stess.  F’dak l-istadju li l-Pulizija preżenti fuq il-post ingħataw l-istruzzjoni li jinterċettaw kemm lill-akkużat kif ukoll il-vettura Toyota Vitz bil-għan illi jipproċedu bit-tfittxijiet u l-arresti  

Mit-tfittxija li saret ġewwa l-vann Toyota Hiace misjuq mill-akkużat il-Pulizija elevat borża mdaqqsa li fiha kien hemm numru ta’ pakketti kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Minn eżamijiet u analiżi ulterjuri li saru mill-espert tal-Qorti fuq l-imsemmija borża rrizulta li fil-pakketti li kienu mgeżwra fiha kien hemm sustanza kkonfermata li kienet droga cannabis fil-forma ta’ loqom fl-ammont nett ta’ 20 kilogramma.

Minn aktar stħarriġ il-Pulizija rriżultalhom li ġewwa r-residenza tal-istess akkużat li kienet tinsab ġewwa Ħaż Żebbuġ  hu kellu aktar droga moħbija. Illi bl-għajnuna tal-akkużat innifsu l-Pulizija għamlet tfittxija fl-imsemmi fond fejn mill-kamra tal-akkużat il-pulizija elevat baskett li fih kien hemm aktar pakketti suspettati li kienu jikkontjenu wkoll xi sustanzi lleċiti.

Minn eżamijiet ulterjuri tal-espert tal-Qorti rriżulta li ġewwa l-pakketti li kien hemm fl-imsemmi baskett kien hemm sustanza kkonfermata bħala droga eroina, fl-ammont ta’ madwar tliet kilos..

Kollox sar bi proċedura

Il-Qorti tal-Appell qalet li Illi fix-xiehda tiegħu Surġent tal-Pulizija kkonferma illi kien fuq istruzzjonijiet ta’l-Ispettur Frank Anthony Tabone, bħala uffiċjal tal-Pulizija adett mal-Laboratorju forensiku, illi eleva d-droga u oġġetti oħra relatati mal-investigazzjoni, liema oġġetti ġew iffotografati minn minn  kuntistabbli.

Dan ix-xogħol sar fid-29 ta’ Novembru 2018 għal ħabta tas-6pm. Aktar tard huwa jikkonferma li għadda l-eżebiti konsistenti f’sustanza suspettata droga lill-Ispizjar Godwin Sammut li kien l-espert maħtur flinkjesta. Qal illi qabel ma saret l-analizi minnu tas-sustanza mgħoddija lilu,, din giet ffotografata u mill-imsemmija ritratti jidher illi s-sustanza kienet issiġġilata f’evidence bags fejn fuq l-istess tidher il-firma tal-kuntistabbli.

Wara li saret l-analiżi minn dan l-espert jidher illi d-droga għaddiet f’idejn l-espert seroloġista Dr. Marisa Cassar, u dan fl-10 ta’ Jannar 20196. Dawn id-dokumenti imbagħad kienu mgħoddija lis-Surġent Jurgen Schembri mill-espert Cassar fit-18 ta’ Gunju 2019, għall-analiżi tal-impronti digitali.