Il-Papa Franġisku ippermetta biex, għall-ewwel darba, in-nisa jivvutaw waqt is-Sinodu ta’ Ottubru li jinvolvi laqgħa għall-Isqfijiet tal-Knisja fuq bażi globali.
Id-deċiżjoni kienet imfaħħra bħala waħda storika li ‘tirrifletti dawn iż-żmenijiet’ – bir-regoli l-ġodda jaċċertaw li ħames sorijiet se jkollhom id-dritt tal-vot waqt is-Sinodu, li, fost oħrajn, iservi bħala entità ta’ konsultanza għall-Papa.
Fil-passat, in-nisa setgħu jattendu biss għas-Sinodi bħala osservaturi u, anki issa, l-irġiel xorta se jżommu l-maġġoranza tal-voti waqt is-Sinodu ta’ Ottubru.
Madankollu, ir-riformi qed jitqiesu bħala sinifikanti għall-Knisja Kattolika li ilha s-sekli ddominati mill-irġiel – bil-Women’s Ordination Conference tal-Istati Uniti tkun fost l-ewwel istituzzjonijiet li faħħru l-aħħar pass u meta ilha tesiġi biex in-nisa jingħataw l-istess drittijiet tal-irġiel għas-saċerdozju.
Fl-istess ħin, diversi organizzazzjonijiet reliġjużi awguraw li s-Sinodu, maż-żmien, jiżviluppa bħala entità bis-sehem ta’ kulħadd irrispettivament mis-sess tal-individwu. Dan waqt li l-Papa kiser mit-tradizzjoni meta ħabbar ukoll li d-drittijiet għall-vot fis-Sinodu se jkunu estiżi għal 70 membri magħżulha mill-komunità reliġjuża u li mhumiex membri tal-kleru.
B’hekk, is-Sinodu li jmiss mhux se jinvolvi laqgħa ‘esklussiva’ għall-ogħla ġerarkija tal-knisja – bil-Papa, li dejjem kien favur ir-riforma, qed jittama li nofs dawk il-membri jkunu nisa, u fost enfasi għal rappreżentanza ‘aktar żgħażugħa’.
//= $special ?>