Lokali

Il-Malta Freeport se jkun qed iwettaq espansjoni tat-terminal

Il-Malta Freeport se jkun qed iwettaq l-ewwel espansjoni tat-terminal f’għoxrin sena; espansjoni li se tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-faċilità bħala ċentru ewlieni tat-merkanzija b’kontribut ewlieni għall-ekonomija Maltija. 

Il-proġett se jestendi l-moll tat-Tramuntana f’Terminal Two tal-Freeport b’176 metru u dak tal-Punent b’195 metru, biex b’hekk jiżgura li l-faċilità tkun tiflaħ għall-vapuri tal-kontejners ġodda u oħrajn li jaħdmu bl-LNG.

Hekk kif jitlesta l-proġett, il-Freeport se jċedi d-dritt li jinstalla krejnijiet fuq il-moll tal-Punent f’Terminal One, li bħalissa hu l-aktar żona tal-faċilità li tidher mix-xatt ta’ Birżebbuġa, u għaldaqstant din se tkun kisba kbira għar-residenti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Freeport, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv Alex Montebello qal li permezz tal-estensjoni ta’ Terminal Two, il-faċilità se tkun kapaċi tlaħħaq mal-akbar vapuri tal-kontejners fid-dinja b’effiċjenza massima ….filwaqt li r-residenti ta’ Birżebbuġa, kif ukoll l-importaturi u l-esportaturi lokali se jibbenefikaw minn aktar servizzi.

Saħaq li l-Freeport minn dejjem kien u għadu pilastru ewlieni għall-ekonomija Maltija fejn illum il-ġurnata joffri konnessjonijiet ma’ 120 port madwar id-dinja, fosthom aktar minn 50 li jinsabu fil-Mediterran.

Mill-faċilità tal-Freeport, li twaqqfet minn Gvern Nazzjonalista lura fl-1989, jgħaddu kważi tliet miljun kontejner fis-sena, tipprovdi impjieg dirett lil aktar minn 1,500 persuna u tikkontribwixxi €170 miljun li jammonta għal tnejn fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo u d-Deputat Nazzjonalista David Agius.