GSSE Malta 2023 Sport

Imnedija d-diska uffiċjali tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa

Il-kantanti popolari Amber u AIDAN se jkunu qed ikantaw il-kanzunetta uffiċjali għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li ser jsiru bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju.

Il-kanżunetta, Shine Your Light, għanda l-lirika miktuba minn Amber, filwaqt li l-mużika miktuba minn Amber u Elton Zarb. Il-kanzunetta hija riflessjoni tal-emozzjonijiet li jgħaddu minnhom l-atleti bi tħejjija għall-kompetizzjoni, fosthom il-biża’ li wieħed jitlef it-tama.

Meta fadal biss ftit aktar minn xahar miċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob, it-tnedija tal-kanzunetta uffiċjali kienet ukoll parti minn laqgħa informali fil-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali għall-voluntiera tal-Logħob organizzat mill-Kumitat Olimpiku Malti .

Skont Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti, il-kanzunetta uffiċjali għandha tintlaqa’ tajjeb mill-pubbliku u tkun popolari fil-ġranet li jwasslu għal-logħob.

Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv Mark Cutajar enfasizza r-responsabbiltà li l-voluntiera għandhom lejn dawn il-logħob biex jiġi żgurat ambjent akkoljenti u b’sens ta’ komunità għall-mijiet ta’ atleti u uffiċjali preżenti. Joe Cassar, responsabbli mill-voluntiera jenfasizza l-importanza tagħhom fil-logħob u ddeskrivihom bħala eroj.

Preżenti wkoll għal din l-attività kien hemm Clifton Grima, Ministru responsabbli mill-isport.

Aktar minn 1,000 atleta u uffiċjal li jirrappreżentaw id-disa’ pajjiżi tal-logħob li se jkunu Malta jikkompetu f’għaxar dixxiplini; atletika, basketball, judo, rugby 7s, tbaħħir, sparar, squash, għawm, table-tennis u tennis.