Internazzjonali

Ir-Russja: Allegazzjonijiet li Putin kien il-mira ta’ drone mimli bl-isplussivi

L-attivisti fl-Ukrajna qed jgħidu li l-Ukrajna pruvat tassassina lill-President Russu Vladimir Putin permezz ta’ drone ippakkjat bi splussivi u li spiċċa ġġarraf ftit ‘il bogħod ‘mill-mira’.Il-fdalijiet tad-drone instabu qalb foresta ftit ‘il hinn minn Moska u l-esperti jaħsbu li l-inġenju għamel żmien idur fuq il-kapitali tar-Russja.

Hu ċert intant li d-drone – li jingħad kien mimli bl-isplussivi – wasal aktar qrib iċ-ċentru ta’ Moska milli wieħed seta’ ibassar u fost l-indikazzjonijiet li kien parti minn ‘missjoni’ intiża għall-eliminazzjoni ta’ Vladimir Putin, f’ħin meta hu kellu jżur park industrijali ġdid fl-inħawi.

L-allegat attentat – li mifhum sar ftit tal-jiem ilu – kien żvelat minn Yuriy Romanenko, attivist ewlieni Ukren, li sostna, fuq Twitter, li ‘l-uffiċjali sigrieti tal-Ukrajna kienu jafu minn qabel dwar iż-żjara li Putin kellu jagħmel fil-park industrijali ta’ Rudnevo’.

Intant, Romanenko u sorsi oħra qalu li l-Ukreni bażaw fuq din l-informazzjoni meta tellgħu d-drone bl-isplussivi li rnexxielu jiżgiċċa d-difiżi tal-ajru tar-Russja qabel niżel mhux ‘il bogħod mill-park industrijali li kellu jżur Putin.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Ukrajna fl-ebda ħin ma kkummenta dwar l-allegata azzjoni – għalkemm Romanenko, il-ko-fundatur tal-Istitut Ukren għall-Futur, qed jgħid li l-President Russu spiċċa jibdel kompletament l-iskeda ladarba waslitlu l-aħbar dwar id-done —u bir-riżultat li hu ma ħariġx mill-uffiċċju tiegħu fil-Kremlin.

Fl-aħħar sigħat, ħarġu wkoll xi rapporti fis-sens li l-esperti tal-isplussivi Russi marru  fuq is-sit ‘fejn instab id-drone’ u li huma damu s-sigħat jaħdmu hemmhekk biex jiddeattivaw l-isplussivi.