Il-ftehim fraġli għall-waqfien mill-ġlied fis-Sudan se jiskadi matul il-lejl anki waqt li eluf ta’ nies kienu qed jippruvaw jitilqu mill-pajjiż biex ma jinqabdux fl-eqqel ta’ battalji ġodda potenzjali bejn l-Armata tal-pajjiż u l-grupp RSF ta’ paramilitari li jrid jaħtaf il-poter f’Khartoum.
Sadanittant, il-Gvern fir-Renju Unit wissa lill-aħħar Britanniċi fil-pajjiż biex jitilqu minn hemmhekk mill-aktar fis minħabba s-sitwazzjoni perikoluża u imprevedibbli. Dan meta l-Gvern Britanniku qal li ma jistax jiggarantixxi aktar titjiriet għall-evakwazzjoni ta’ niesu f’każ li l-ġlied kellu jiżbroffa mill-ġdid fil-kapitali Sudaniża.
Fil-fatt – u waqt li pajjiżi Ewropej oħrajn ukoll qed jaħsbu biex joħorġu l-aħħar ċittadini mis-Sudan – is-sitwazzjoni għadha miftuħa għal kull eventwalità.
Dan minkejja li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Sudan t’Isfel, Deng Dau Deng, qal li pajjiżu u entitajiet oħrajn fir-reġjun qed jaħdmu bla waqfien biex jestendu l-perjodu miftiehem għal waqfien mill-ġlied bejn l-Armata Sudaniża u l-paramilitari tal-RSF.
U waqt li kelliema qrib l-Armata qalu li l-militar tas-Sudan jinsab lest biex jestendi l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ma kien hemm l-ebda reazzjoni simili min-naħa tal-paramilitari.
Skont l-aħħar statistika, il-mejtin waqt l-aħħar battalji fis-Sudan qabżu s-600, b’din iċ-ċifra mistennija tkun ħafna akbar ladarba jsiru l-kalkuli finali. Dan fost il-konferma ta’ eluf ta’ midruba f’aktar minn ġimgħa ta’ sparaturi u splużjonijiet kontinwi fit-toroq ta’ Khartoum u l-madwar tal-kapitali.
//= $special ?>