Internazzjonali

Jerry Springer: Imut il-preżentatur li kiseb fama dinjija għall-programm kontroversjali bl-istess isem

Il-preżentatur – jew talk-show host – Amerikan Jerry Springer miet fl-età ta’ 79 sena fid-dar tiegħu f’Chicago, fl-Istati Uniti.

Springer kien fost l-aktar preżentaturi kontroversjali u segwiti għal għexieren ta’ snin, bil-programm tiegħu The Jerry Springer Show jintwera għal 30 sena sħaħ ( mill-1991). Dan il-programm kien jitratta l-aktar il-problemi fir-relazzjonijiet, każi ta’ adulterju li kienu jinkixfu ‘live on air’ u anki l-effett ta’ sitwazzjonijiet delikati bejn il-koppji għal tielet persuni.

Intant, il-produtturi u kollegi ta’ Springer faħħruh għall-kapaċitajiet tiegħu biex jikkomunika man-nies u bħala personalità uniku fl-isfera tat-talk shows.

Qabel sar magħruf madwar id-dinja għal The Jerry Springer Show, il-preżentatur kien għamel żmien bħala ġurnalista u kummentatur fix-xena politika.

Intant, Spinger serva wkoll bħala s-Sindku ta’ Cincinnati kif ukoll bħala konsulent politiku għall-eks Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Robert F. Kennedy.