Għawdex Lokali

Jirriżenja s-Sindku Laburista tax-Xagħra wara li provaw isikktuh

Daqqa oħra għal Robert Abela, wara li s-Sindku Laburista tax-Xagħra Christian Zammit irriżenja mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra u minn President tal-Kumitat Reġjonali Laburista f’Għawdex.

Zammit kien ukoll kandidat f’isem il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, u kien meqjus bħala pedina importanti għal-Labour minħabba li ħafna nies kienu jħobbuh, u f’kull elezzjoni dejjem ġab ammont kbir ta’ voti.

Permezz ta’ post fuq Facebook l-eks Sindku Laburista qal li din kienet deċiżjoni diffiċli ħafna għalih, speċjalment meta wieħed iqis li ilu attiv fil-Partit Laburista u fil-politika għal dawn l-aħħar 23 sena.

Fl-istess post huwa kiteb bit-Taljan illi għażel li jħabbar ir-riżenja tiegħu sabiex iwarrab mis-saqajn…u biex ma jkunx ta’ xkiel. B’sorsi jikkonfermaw ma’ Net News li Zammit warrab wara li l-klikka ta’ Robert Abela provat issiktu.

L-eks Sindku tax-Xagħra ilu għal diversi xhur jitkellem b’saħħa fuq diversi kwistjonijiet jaħarqu.

Is-sitwazzjoni iżda eskalat fl-aħħar jiem meta hu pparteċipa fuq programm tar-radju, fejn tkellem kontra l-elementi estremisti fil-politika.

Fil-fatt, fuq 103, huwa saħansitra stqarr illi se jkun hemm problema biex iż-żewġ partiti jattiraw nies validi biex joħorġu għall-Kunsilli Lokali s-sena d-dieħla minħabba li dawn jaf jispiċċaw attakkati bi vleġeġ, insulti u theddid – stqarrija li ma niżlet tajjeb xejn mat-tmexxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Inċidentalment, ir-riżenja ta’ Zammit qed tasal lejliet li l-lokalità tax-Xagħra tiċċelebra Jum ix-Xagħra, bir-residenti spiċċaw jistaqsu x’se jiġri issa li tilfu lis-Sindku tagħhom.

Apparti minn hekk, fuq il-media soċjali, ħafna urew solidarjetà ma’ Christian Zammit, fosthom is-Sindku Laburista tal-Qala illi stqarr li jinsab maħsud. Oħrajn qalu li dan kollu seħħ għax kien hemm min ried itajru, waqt li diversi residenti insistew li spiċċa jbati hu, sempliċiment għax żamm mal-prinċipji tiegħu.