Lokali Unjoni Ewropea

L-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia hija essenzjali sabiex tipproteġi l-ħaddiema – David Casa

L-MEP David Casa llum kiteb lill-akbar konfederazzjoni tat-Trade Unions tal-Ewropa, u ħeġġiġhom biex jappoġġjaw il-bidu ta’ inkjesta pubblika sabiex tipproteġi l-ħaddiema Maltin.

“Ommu qegħda tisħaq li hemm bżonn ta’ inkjesta pubblika biex dan ma jerġax jiġri lil ħaddieħor u biex il-mewt ta’ binha ma tkunx għal xejn,” fakkar Casa.

“Minflok l-appoġġ li jistħoqilha, omm Jean Paul Sofia sabet reżistenza mill-awtoritajiet Maltin. M’għandhiex għalfejn tgħaddi minn battalji politiċi sabiex tiżgura il-ġustizzja għal binha u s-sigurtà għall-ħaddiema kollha f’Malta.”

Casa mhux biss afferma li l-inkjesta pubblika hija obbligu internazzjonali li taqa’ fuq l-istat Malti, iżda insista fuq l-inkjesta pubblika “sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema ma jkollhomx għalfejn jissograw ħajjithom aktar, minħabba regolamentazzjoni ħażina, interessi kummerċjali u regħba bla rażan.”

“Il-ħaddiema f’Malta għandhom jiġu protetti u dan jibda bl-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia,” temm jgħid Casa.

Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions hija organizzazzjoni ewlenija tat-trade unions, li tirrappreżenta għexieren ta’ trade unions nazzjonali fuq livell Ewropew. L-għaqdiet Maltin tpoġġew ukoll f’kopja ta’ din l-ittra.