Lokali

Madwar 50,000 persuna jgħixu f’familji li għandhom nuqqasijiet materjali u soċjali

Ċifri xokkanti pubblikati din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li mal-50,000 persuna f’pajjiżna qed iħossuhom li huma imċaħħdin minn affarijiet bażiċi – kemm bżonnijiet materjali, kif ukoll dawk soċjali.

L-Istħarriġ tal-NSO wera li, fl-2022, l-għadd taʼ persuni li jgħixu fʼfamilji li huma imċaħdin minn affarijiet bażiċi b’mod sever kien ilaħħaq il-25,370 persuna, filwaqt li l-għadd taʼ persuni fʼfamilji li għandhom nuqqasijiet materjali u soċjali kienu 49,298.

Fl-2022, ħareġ li 170,965 persuna jgħixu fʼfamilji li ma jistgħux jaffordjaw li jħallsu għal btala taʼ ġimgħa lil hinn minn darhom, filwaqt li 78,728 jgħixu fʼfamilji li ma jistgħux jaffordjaw li jiffaċċjaw spejjeż taʼ €770 u aktar, bla mistenni.

Instab li, fl-2022, l-aktar problemi li kienu qegħdin iġarrbu n-nies bʼrabta maʼ fejn joqgħodu kienu t-tniġġis, il-ġmied u problemi oħra ambjentali (32.1 fil-mija), u l-istorbju mill-ġirien jew mit-triq (28.6 fil-mija).