“Illum huwa evidenti li l-ħaddiem Malti u ċ-ċittadin Malti ma jridx biss paga diċenti imma jrid ukoll li jkollu kundizzjonijiet tajbin, mhux biss fuq il-post tax-xogħol iżda wkoll fis-soċjetá li qiegħed jgħix fiha. Għaldaqstant, Il-Partit Nazzjonalista kommess li jagħti serħan il-moħħ lill-ħaddiema u lil min iħaddem.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt round-table conference illi saret il-Ħamis filgħodu f’Għawdex, organizzata mill-Partit Nazzjonalista bit-tema’ ‘Nagħtu s-saħħa lill-ħaddiem’, fejn ġie diskuss il-fatt li impjegat irid jitħallas paga denja għax-xogħol li jwettaq dik magħrufa aħjar bħala l-equal pay for equal work.
Ġew diskussi wkoll il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’pajjiżna hekk kif ir-rappreżentanti minn sferi differenti f’Għawdex qasmu diversi esperjenzi u sfidi li l-membri tagħhom iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum fil-post tax-xogħol.
Dan kollu bl-għan li l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ b’mod effettiv jaħdem sabiex l-impjegati jkollhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol li verament jixirqilhom.
“Il-Partit Nazzjonalista huwa komess li joffri opportunitajiet bis-serjetá għal Għawdex, mhux opportunitajiet tac-cheap labour.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar diversi temi li jaffetwaw il-familji u l-ħaddiema fosthom l-izvilupp insostennibbli li qiegħed iseħħ f’Għawdex.
“Kulħadd jaf li b’dak li qiegħed jiġri f’Għawdex bl-izvilupp insostenibbli, qiegħed jeqred dak kollu li jattira t-turist f’Għawdex. Għaldaqstant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li f’Għawdex hemm bżonn iktar ħarsien ambjentali. Dan apparti li Għawdex jeħtieġ tmexxija reġjonali.”
Bernard Grech spjega li din kienet biss waħda minn diversi laqgħat li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel u se jkompli jagħmel mal-korpi kostitwiti sabiex il-ħidma tal-Partit tkompli ssaħħaħ lill-ħaddiema u lill-familji Maltin u Għawdxin.
“Bħala Partit se nibqgħu determinati sabiex nindirizzaw l-isfidi li mhux biss qegħdin isibu ma wiċċkom inthom li timpjegaw u li tirraprezentaw il-ħaddiema, iżda anka dawk l-isfidi li qiegħed isib il-ħaddiem stess.”
“Isemmew diversi sfidi relattati mal-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet tal-bini illi fl-aħħar sħiħ splodew l’fuq, u aħna bħala partit ilna naħdmu u se nkomplu naħdmu sabiex inwettqu diversi inċentivi fiskali relatati mal-village Core.”
Dwar l-ekonomija diversifikata, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li din hija waħda mill-pilastri tas-soċjeta’, u bħala Partit Nazzjonalista, se nkomplu naħdmu sabiex intejbuha.
Bernard Grech sostna li kull ġurnata li tgħaddi, qed isir aktar diffiċli sabiex nattiraw ħaddiema barranin lejn Malta. Għadna sitwazzjoni delikata, l-ekonomija trid tikber u hemm bżonn li nkomplu nħarġu lill-ħaddiem għal aktar opportunitajiet f’pajjiżna.
“Il-wegħda tagħna hija ċara. Se nmorru lura u se niddiskutu dak kollu li intqal illum, sabiex ikomplu niżviluppaw u nkomplu ntejbu dak kollu li diġa wettaqna. Il-wegħda tagħna tibqa l-għaqal fit-tmexxija.”
Il-mistiedna li kienu preżenti għal din il-konferenza jirrapreżentaw bosta sferi f’Għawdex fosthom il-Gozo business chamber, il-Kurja f’Għawdex, mill-Gozo Tourism Association, General Workers union u UĦM Voice of the Workers.
Prezenti għal din il-Konferenza kien hemm ukoll id-deputat tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għal Għawdex Alex Borg u d-deputat tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għax-xogħol u għas-settur Marrittimu Ivan Castillo.
//= $special ?>