Rapport ta’ psikjatra u psikologa qalu li Carmelo Camilleri mill-Mosta akkużat bil-qtil tal-Baruni Frank Sant Cassia fl-1988 “mhuwiex f’qagħda mentali biex iwieġeb għall-akkużi miġjubin kontrih u jgħaddi ġuri”. Dan ir-rapport ġie ppreżentat fil-Qorti quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn issa l-każ ġie differit għat-23 ta’ Mejju biex jixhed il-psikjatra Joe Cassar.
Fil-Qorti ħareġ li l-qagħda tal-akkużat hija waħda prekarja għall-aħħar tant li minbarra l-problemi mentali tiegħu huwa jbati wkoll mid-dimesja u saħasitra tagħtu stroke. Il-Ħamis xehdu l-psikjatra Anton Grech u l-psikologa Kristina Bettenzana, L-Avukat Jason Azzopardi li flimkien mal-Avukat Kris Busietta qed jidhru għall-akkużat għamel numru ta’ domandi fil-qosor lix-xhieda fejn Anton Grech qal li l-isptar Monte Carmeli mhux post Camilleri u li kieku kien il-pazjent tiegħu ma kienx idaħħlu hemm.
Ir-rapport tal-psikjatra Anton Grech li meta sar assesment fuqu ta’ fejn tidħol memorja, attenzjoni, lingwa, l-mod kif jitkellem u l-abbiltajiet viżwali tiegħu huwa ġab disa’ marki minn 100. Ħareġ ukoll li huwa jbati minn ansjetà kbira u stress. Għandu wkoll bżonn l-għajnuna fl-attività ta’ kuljum u jkollu bżonn l-assistenza biex jinħasel u jmur sal-bathroom.
Lanqas ma jista’ jiġi afdat bi flus u li għandu problema ta’ memorja uf diffikultà li huwa jifhem xi ħaġa meta xi ħadd ikun qed ikellmu. Il-psikologa Kristina Bettenzana qalet li ftit tal-ġimgħat ilu sar eżami mentali fuq Camilleri fejn r-riżultat kien ta’ disa’ minn 30. Filwaqt li ħafna minn dak li esperjenzat kien simili għad dak li nnota Anton Grech, Bettenzana li jkun disturbat mill-attenzjoni fuq dak li jara u jisma’, li ma jagħrafx, diffiċli ħafna biex jitgħallem u li jkollu bidliet fl-emozzjonijiet tiegħu.
Oriġinarjament il-ġuri kellu jibda t-Tlieta 7 ta Frar iżda ġie pospost minħabba s-saħħa mentali tal-akkużat. Camilleri qed jiġi mixli li għal somma flus kien qatel lill-Baruni Sant Cassia, li kellu 68 sena, quddiem ir-residenza tiegħu, Castello Zammitello fl-Imġarr, f’omiċidju deskritt bħala wieħed ippjanat. Il-qtil kien seħħ 34 sena ilu, eżattament fis-27 ta’ Ottubru 1988.
F’Jannar li għadda d-difiża mmexxija mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta kienet ippreżentat rikors dwar l-istat ħażin ħafna tas-saħħa mentali tal-akkużat li ma jistax jikkomunika iktar ma’ ta’ madwaru u lanqas mal-avukati tiegħu u għalhekk intalbet perizja psikjatrika.
Inħatar Dr. Joe Cassar li f’rapport li għamel li ħalfu quddiem il-Qorti Kriminali kienet rrakomandat li għat-tliet xhur sakemm tasal il-ġurnata tat-Tnejn, 24 ta’ April, Camilleri jinżamm Monte Carmeli. Dan biex jiġi deċiż jekk Camilleri ta’ 67 sena, huwiex tajjeb biex iwieġeb għall-akkużi, u jekk le huwa mistenni li jibqa’ jinżamm l-isptar Monte Carmeli, xi ħaġa li d-difiża mhijiex taqbel magħha.
Kejl differenti bejn raġel bi problemi mentali u l-uffiċjali tal-Bank Pilatus
Fuq dan il-każ id-difiża kienet ukoll ressqet protest ġudizzjarju x-xahar li għadda fejn fih ingħad li filwaqt li l-Avukat Ġenerali qed tibqa’ tippersisti li ma tipproċedix kontra żewġ uffiċjali ta’ Pilatus Bank, mill-banda l-oħra baqgħet għaddejja tipproċedi fuq omiċidju li seħħ fl-1998 fil-konfront ta’ persuna bi problemi ta’ saħħa mentali fejn qed jinkirsu d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq f’każ li ilu jkarkar mill-1988 u bl-akkużat jitressaq il-Qorti 17-il sena ilu.
Il-Protest li ġie ppreżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili Carmel Camilleri, martu u uliedu qegħdin jikkontendu li meta tressaq f’April tal-2006 fuq l-omiċidju tal-baruni Frank Sant Cassia fejn wieġeb li ma kienx ħati u għamel ftit inqas minn sentejn taħt arrest preventiv u għal 17-il sena sħaħ baqgħu fis-seħħ il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti.
Carmel Camilleri qed jgħid dan għax jaf, għax huwa fatt fid-dominju pubbliku, kif l-Avukat Ġenerali użat riga kompletament differenti fl-2022 fil-każ tad-Direttur tal-Bank Pilatus, Mehmet Tasli u l-ufficjal Antoniella Gauci. Dawn iż-żewġ uffiċjali għolja ta’ dan il-Bank kienu s-suġġett ta’ rakkomondazzjoni espressa tal-Maġistrat Inkwirenti fl-2022 biex l-Avukat Ġenerali tressaqhom il Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus, fost akkużi ohra.
Il-protest kien jgħid ukoll li l-Avukat Ġenerali f’inqas minn sitt xhur minn meta irċeviet l-atti mill-Maġistrat Inkwirenti, u wara Inkjesta Maġisterjali, applikat l-artiklu 569(6) tal-Kodiċi Kriminali u ħarġet nolle prosequi (li ma tixtieqx tipproċedi) fil-konfront ta’ Mehmet Tasli u Antoniella Gauci fis-sajf tal-2022.
Għalhekk Carmel Camilleri u familtu ma jistgħux jifhmu kif l-istess Avukat Ġenerali li ma ddejqitx tohrog nolle prosequi kontra dawn iż-żewġ persuni, u qiegħda tirrifjuta li tohrog nolle prosequi fejn verament jistħoqq li dan isir u cjoe fil-każ tiegħu.
Dan iwassal lill-akkużat u l-familja tiegħu għall-konklużjoni li Avukat Generali qed taġixxi b’mod abbusiv u irresponsabbli u diskriminatorju a spejjeż ta’ Carmel Camilleri li spiċċa vittma bla ħtija u bid-drittijiet tiegħu taħt l-artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem miksura u qed ikomplu jinkisru kiif abbinati mal-artiklu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-ksur tal-artiklu 1 tal-Protokoll Numru 12 tal-istess Konvenzjoni.
Ir-residenza fejn sar il-qtil għada tintuża sal-lum bħala sala tat-tiġijiet. Il-każ baqa’ ma kienx solvut sakemm fl-2004 il-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien Carmelo Camilleri li qatel lill-Baruni, f’xi ħin bejn l-4.30 p.m. u s-6.30 p.m. Minn ta l-informazzjoni lill-Pulizija kien qalilhom li Camilleri kien staħba wara ċint tas-sejjieħ faċċata tar-residenza u meta l-Baruni Sant Cassia ħareġ mid-dar tiegħu sparalu tir f’rasu bil-vittma jmut mill-ewwel fuq il-post. L-Avukat Stefano Filletti qed jidher għall-familja tal-vittma.
//= $special ?>