Internazzjonali Unjoni Ewropea

Roberta Metsola f’laqgħa mal-Prim Ministru Daniża

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tinsab fuq żjara uffiċjali fid-Danimarka. Iż-żjara fil-kapitali Kopenhagen qed issir biex ikun iċċelebrat il-50 anniversarju minn meta d-Danimarka issieħbet fl-Unjoni Ewropea. 

Fost l-ewwel laqgħat li kellha l-MEP tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm dik mal-Prim Ministru Daniża Mette Frederiksen. Magħha l-President Metsola tkellmet dwar kif matul is-snin, id-Danimarka kienet  katalista fid-diskussjoni fost il-mexxejja dinjija dwar t-tibdil tal-klima u l-ugwaljanza. 

Matul iż-żjara ta’ jumejn, il-President Metsola iltaqgħet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u eks Prim Ministru tad-Danimarka Lars Løkke Rasmussen, mal-Ispeaker tal-Parlament Daniż, kif ukoll mal-producer tas-sensiela popolari ta’ Netflix Borgen, Alan Price. L-istorja tas-serje titratta l-ħajja ta’ mara fil-politika u l-isfidi li tiltaqa magħhom.

Roberta Metsola żammet l-appuntament tagħha għal numru ta’  laqgħat ma żgħażagħ u studenti Daniżi fejn tathom l-opportunità li joffru l-ideat tagħhom għal kif jixtiequ l-Ewropa fis-snin li ġejjin.