Lokali

“Bżonn ta’ investiment akbar fis-settur agrikolu” – Bernard Grech

“Il-biedja u r-raħħala huma indispensabbli u bżonnjużi, u allura jeħtieġ li jsir aktar investiment f’dawn is-setturi.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech hekk kif il-Ġimgħa żar  bidwi u raħħal akkumpanjat mill-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd, Toni Bezzina u minn Antoine Attard – żjara li saret bi tħejjija għal Jum il-Ħaddiem.

Meta tkellmu miegħu, il-bidwi li għandu diversi għelieqi, fosthom waħda f’Ħaż-Żebbuġ bid-dwieli, semma’ l-ispejjeż li jaffaċja ta’ kuljum.

L-istess problemi jaffaċja wkoll ir-raħħal li l-ispejjeż tieghu żdiedu bi €18,000; spejjeż li mhux qed ilaħħaq magħhom.

Kien fid-dawl ta’ dan kollu li Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex jassigura li xogħolhom f’pajjiżna ma jispiċċax fix-xejn.