Lokali

Alex Dalli jgħid li qatt ma rċieva lmenti fuq il-gwardjani mixlijin bil-qtil involontarju ta’ Kim Borg Nicolas Virtù

L-eks Direttur tal-ħabs Alex Dalli qal li qatt ma kien irċieva lmenti dwar l-ebda wieħed mill-gwardjani fil-każ tas-suwiċidju li kienet ikkommettiet Kim Borg Nicolas Virtù f’ Ġunju tal-2011. Tenna wkoll li l-vittma kienet qed tidher li miexja fit-trq it-tajba u li fl-ebda mument ma kien hemm xi rapport li jindika li hija kienet suwiċidali.

Dalli kien qed jixhed fil-każ kontra żewġ eks gwardjani tal-ħabs, Annabelle Cauchi ta’ 52 sena minn Ħaż-
Żebbuġ u Alison Vassallo ta’ 42 sena mill-Fgura, li qed iwieġbu mhux ħatja ta’ omiċidju involontarju u li wettqu reat li kienu obbligati jipprevjenu. Tenna li l-vittma kienet tpoġġiet f’ċella “multipurpose” wara li ħarġet mill-isptar fejn tabib kien iddikjara li mhijiex suwiċidali.

Borg Nicolas Virtù instabet mitlufa minn sensiha fiċ-ċella tagħha fis-16 ta’ Ġunju 2021, u mietet fl-Isptar Mater Dei fl-4 ta’ Lulju. Kien saret pressjoni kbira biex ix-xhud Dalli iwarrab u dan kien seħħ bħala kap tal-ħabs f’Novembru ta’ l-istess sena, wara sensiela ta’ suwiċidji minn priġunieri oħra fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dalli qal li qatt ma kien irċieva lmenti fuq xi wieħed mill-gwardjani u qal li Cauchi kienet uffiċjal anzjan fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’karriera mifruxa fuq 30 sena servizz u l-pariri tagħha ta’ spiss kienu ta’ valur. Qal li hu kien sema’ “ħafna telefonati reġistrati” bejn Borg Nicolas Virtù u ommha, fejn kienet tħeġġeġ lil ommha biex “tkellem lil Annabelle” biex tieħu ħsieb kwalunkwe talba partikolari.

Fir-rigward ta’ Vassallo, li hija Surġent Maġġur, Dalli qal ukoll li din saħansitra kienet tilgħab il-volleyball ma’ Kim. “Kull meta kien hemm xi argument ma’ priġunier, ma kienx idum. Għada jum ieħor,” żied jgħid. Dalli qal ukoll li Borg Nicolas Virtù ma kienx “fuq ir-radar” jiġifieri li kienet xi waħda mqarrba, peress li ma kkawżat l-ebda inkwiet straordinarju.

Hija kienet irċeviet “ħafna u ħafna għajnuna” fil-ħabs u bdiet tagħmel proġress sinifikanti. Il-fajl tal-ħabs tagħha wera tnaqqis sostanzjali fid-doża ta’ methadone għad-dipendenza tagħha mid-droga, b’livelli li jonqsu minn “40 għal 14”. Kienet ukoll iżżur psikologi u kordinaturi tal-pjan ta’ kura, iżda kien għadu ma kienx imissha li tidħol fir-rijabilitazzjoni.

Darba minnhom waqt li kienet qed tistenna l-kura l-isptar, f’daqqa waħda qamet u ħarbet iżda nqabdet mill-gwardjan tagħha fil-kuritur tal-isptar. Aktar tard dik il-lejla talbet biex titlaq mill-isptar kontra x-xewqat tat-tobba u ġiet skortata lura l-ħabs.

Ix-xhud qal li l-gwardjani tagħha aktar tard qalulu fuq l-attitudni allegatament “arroganti” tal-priġuniera. Peress li dan kien waqt il-pandemija tal-COVID-19, kull min jirritorna mill-isptar tpoġġa f’iżolament għal numru ta’ sigħat permezz ta’ miżura preventiva. “Allura Kim ddaħħlet f’dik iċ-ċellula minħabba r-rapport li għadu mhux ikkonfermat tal-attentat ta’ ħarba tagħha jew għal raġunijiet COVID?” staqsiet l-avukat Rachel Tua, li tidher għall-familja. “It-tnejn,” wieġeb Dalli.

Ix-xhud qal li ċ-“ċella ta’ emerġenza” kienet kamra li kellha biss b’saqqu li seta’ jintrema f’każ li l-priġunier irriżulta pożittiv għal COVID. Il-gwardjan ta’ Kim intalab biex iħejji rapport dwar l-attentat ta’ ħarba fl-isptar. L-Avukat Tua qalet, “madankollu inti ssakkartha. Forsi ma kinitx tagħmel dan kollu kieku ma ssakkritx hemmhekk.”

Qalet ukoll li ċ-ċella kienet maħmuġa, bl-awrina u mingħajr ilma fis-sink u fit-toilet. “Lanqas għal klieb ma kienet tajba”, irrimarkat l-avukat. ‘Taħti il-ħabs kien jinżamm nadif u riħa tfuh kien ikun hemm’ “Taħt ’ġurament, nista’ nikkonferma li dakinhar ma spezzjonajtx il-kamra. Allura ma nistax ngħid jekk kienitx “spick and span.

“Madankollu taħti, l-ħabs kien nadif u meta faqqgħet il-pandemij tal-COVID, il-post kien ikun diżinfettat ta’ kuljum,” saħaq Dalli, li tenna wkoll li kull min tpoġġa ġewwa dik iċ-ċella ta’ emerġenza kien jingħata l-ilma biex jiflaxxja it-toilet. Ir-raġuni għaliex ma kienx hemm ilma ġieri kienet li jiġi evitat għargħar intenzjonat. Kultant, anke saqqu kellu jitneħħa għax “il-ħabsin litteralment jomogħduh,” huwa qal, filwaqt li ddeskriva għadd ta’ “inċidenti komuni” fost il-ħabsin.

“Kieku kont naf x’kienet tagħmel Kim, nazzarda ngħid li kont inħalliha mingħajr ħwejjeġ,” huwa saħaq. L-avukat Tua staqsiet għaliex dak in-nhar il-vittma ngħatat ħwejjeġ li ma jitqattgħux. L-istores tal-ħabs ikunu magħluqin fil-ħin li kienet skortata lura mill-isptar u kienu l-uniċi ħwejjeġ nodfa disponibbli dak iż-żmien, qal Dalli.

Mistoqsi dwar grif ‘superfiċjali’ preċedenti fuq idejn il-vittma, huwa qal li dawn ma ġewx irrappurtati lilu, kuntrarjament għal każijiet aktar serji ta’ attentat ta’ ‘self-harm’ li ġew irrappurtati “fuq il-post”. Waqt li fakkar kif filgħodu Kim instabet mitlufa minn sensiha, Dalli qal li wasal fiċ-ċella fi ftit minuti mis-sejba minn membru tal-istaff li tant baqgħet ixxukkjata li istintivament reġgħet għalqet il-bieb u ħarġet.

Dalli qal li l-vittma ngħatat immedjatament CPR anki qabel ma waslu konsulent ta’ emerġenza u infermiera, peress li l-uffiċjali kollha tal-ħabs kienu ġew imħarrġa fl-ewwel għajnuna. “Kim kienet għadha turi sinjali tal-ħajja.” F’ħin minnhom, missier il-vittma ntalab joħroġ mill-awla wara li l-avukat Mario Mifsud ġibed l-attenzjoni tal-Qorti għal “ċerti ġesti” li kien għamel fid-direzzjoni tal-avukati difensuri.

L-Ispettur Paul Camilleri kien investiga u qed imexxi l-prosekuzzjoni fuq il-każ filwaqt li l-avukati Mario Mifsud u Herman Mula qed jidhru għall-akkużati. L-Avukat Rachel Tua qed tidher bħala parte civile għan-nom tal-familjari tal-vittma. Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.