Is-Sindku tal-Gżira jgħid li l-Kunsilli Lokali donnhom ma jeżistux għall-Gvern
Mhux jien sejjer kontra l-Partit imma huwa l-Labour li qed jimxi kontra n-nies.
Sostna dan is-Sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manchè f’intervista li saritlu mill-preżentatur Jon Mallia…wara li din il-ġimgħa l-Qorti ċaħdet li tinbena pompa tal-petrol minflok il-ġnien pubbliku tal-Gżira; kawża li fiha l-President tal-Partit Laburista kienet qed tidher bħala avukat tal-Awtorita tal-Artijiet, u kontra l-istess Borg Manche.
Fl-intervista, is-Sindku Laburista tal-Gżira insista li ma setgħax jagħla ħalqu u jħalli kollox għaddej dwar din il-kwistjoni.
Is-Sindku tal-Gżira fakkar kif 82% tar-residenti kienu kontra dan il-proġett u għaldaqstant kieku ma ħax pożizzjoni soda kien jagħmel disservizz għal min eleġġih. Dan kollu beda wara li l-Kunsill Lokali tal-Ġżira kien appella d-deċiżjoni li ħarġet mill-Awtorità tal-Artijiet; deċiżjoni li kienet se tbiddel ġnien pubbliku f’pompa tal-petrol.
Fl-intervista Borg Manche insista li preżentament taħt dan il-Gvern…. il-Kunsilli Lokali bħal donnhom ma jeżistux, u ma ssir l-ebda konsultazzjoni magħhom.
Is-Sindku tal-Gżira għamel użu minn kliem iebes ferm fil-konfront tal-partit li huwa qed jirrappreżenta – fl-istess ġimgħa li sindku ieħor Laburista, Christian Zammit, irriżenja wara 23 sena jimmilità fil-politika.
Matul il-jum tal-Ħamis, Zammit spjega li din ir-riżenja ma kinitx deċiżjoni faċli għalih. Dan filwaqt illi insista li jasal żmien fejn ikollok twarrab minn nofs u ma tibqax ta’ xkiel. B’sorsi jikkonfermaw l-indħil enormi u l-pressjoni li kien qed ikollu mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Intant, wara din ir-riżenja tas-Sindku tax-Xagħra, kien hemm skiet totali mil-Labour – u ma ħarġet ebda stqarrija.
//= $special ?>