Knisja Lokali

Il-Knisja se tfakkar Jum il-Karità

Fil-jiem li ġejjin il-Knisja f’Malta se tfakkar Jum il-Karità. L-għan ta’ dan il-jum hu li jikber l-għarfien dwar il-ħidma li jwettqu fis-soċjetà l-entitajiet tal-Knisja mal-persuni vulnerabbli.

Permezz ta’ diversi djar residenzjali u ħidmiet ta’ karità minn professjonisti u voluntiera, il-Knisja f’Malta tilqa’ u taqdi lil ħutna fil-bżonn, irrispettivament mir-razza, kulur tal-ġilda jew twemmin. Bħalissa hemm iktar minn 1,600 persuna jgħixu fid-djar residenzjali tal-Knisja. Dawn jinkludu tfal u żgħażagħ li jgħixu fid-djar tat-tfal, anzjani, persuni bi bżonnijiet speċjali, dawk li qed jingħataw l-għajnuna biex joħorġu mill-vizzju tad-droga, immigranti u refuġjati, vittmi
ta’ vjolenza domestika, nisa li jaqgħu fil-prostituzzjoni, u persuni bla saqaf fuq rashom. Barra minn hekk, mal-1,450 familja jingħataw għajnuna mill-kappillani u professjonisti permezz tas-servizzi ta’ djakonija fil-parroċċi.

L-entitàjiet li jipparteċipaw f’Jum il-Karità huma: id-Dar tal-Providenza, il-Kappillani tal-isptarjiet u l-kappillan tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Fondazzjoni Caritas Malta, Fondazzjoni Sebħ, id-Djar tal-Knisja għall-Anzjani, il-Kummissjoni Migranti, il-Laboratorju tal-Paċi, il-Jesuit Refugee Service, St Jeanne Antide Foundation, il-Millenium Chapel,
Paolo Freire Insititute Foundation, Dar Merħba Bik, Dar Osanna Pia, Dar Hosea, Youth Alive Foundation – Dar Frate Jacoba, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Ursuline Creche Home, Soup Kitchen OFM – Valletta u Kummissjoni Djakonija Parroċċi.

Din is-sena, l-għajnuna lil dawn l-entitajiet għall-persuni fil-bżonn tista’ ssir permezz ta’:

  • offerta fil-ġabra tal-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej ċekk pagabbli lill-Arċidjoċesi ta’ Malta li jintbagħat fuq Segretarjat Djakonija, Jum il-Karità, Kurja tal-Arċisqof, P.O. Box 1, Floriana FRN1520. Iċ-ċekkijiet aċċettati mill-banek jridu jkunu ta’ €20.01.
  • donazzjoni onlajn fuq is-sit Knisja.mt fil-messaġġ jinkiteb Jum il-Karità u l-flus imorru għal dan il-għan.


Jum il-Karità jitfakkar kull sena b’inizjattiva tas-Segretarjat għad-Djakonija fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.