Raġel ta’ 39 sena minn Bormla ma nstabx ħati mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li fid-29 ta’ Settembru tal-2014 kien involut f’negozju ta’ droga li kienet tikkonsisti f’ħames kilos cannabis u ftit eroina. Trevor Borg kien tressaq il-Qorti wara li l-Pulizija kellha informazzjoni illi kellu jsir xi negozju tad-droga qrib “Piscopo Cash & Carry” f’San Pawl il-Baħar, bejn Borg u ċertu Brian Godfrey Bartolo.
F’sentenza ta’ 33 paġna l-Qorti qalet li mill-provi li semgħet ma kienx hemm provi ta’ xi assoċjazzjoni biex tiġi traffikata d-droga meta ltaqgħu Borg u Bartolo. Minkejja li ma emmnitx li flus misjuba li kienu mgħoddija min id għal oħra kienu fuq ħsara ta’ garaxx li kkommeetta Borg fil-konfront ta’ Bartolo, l-laqa’ ta’ bejniethom kienet fuq id-droga, u dak kollu.
Is-Surġent Pierre Guido Saliba kien xehed fil-Qorti li dak inhar għall-ħabta tas-12.45 p.m., kienu qegħdin fl-akkwati l-persuni msemmija, ħdejn ir-’roundabout’, u filwaqt illi hu kien f’vettura misjuqa mill-Pulizija, hekk kif u hu sieħbu raw lil Borg u lil Bartolo fuq il-post, saqu u hu ra lil Trevor Borg jagħmel kuntatt ma’ Bartolo.
Xhed li l-imputat għadda xi ħaġa lil Bartolo. Flimkien mas-Surġent Baldacchino, li kien miegħu fil-vettura, mar fuq Bartolo u ra illi l-istess Bartolo. “Kellu id li saret l-iskambju biha kien qiegħed iżommha ponn, go fiha kien hemm ammont ta’ flus”.
Dwar dan ix-xhud qal ukoll illi “Borg daħħal idu, Brian hareg idu, iltaqgħu flimkien l-idejn, deher li għadda xi ħaġa minn idejn Borg lejn Bartolo għaliex imbagħad idu miftuħa kienet.” Dak il-ħin Bartolo beda joffendi lill-imputat u jgħidlu “Iffremjajti, ghamiltli control delivery”, filwaqt li Borg irrispondih “Jiena ma naghmilx dawn l-affarijiet”.
Dak il-ħin saret tfittxija fil-vettura ta’ Bartolo, fejn instabu u minn fejn ġew elevati dak illi x-xhud jiddeskrivi bħala borża tal-cannabis imdaqqsa, żewġ samples oħra ta’ cannabis, sample ta’ eroina u borża żgħira bil-kokaina. Mid-distanza li kien fiha meta beda l-kuntatt bejn l-imputat u Bartolo, huwa ma setax jisma’ jekk ingħadx diskors bejniethom, kif ukoll illi f’pouch li kien fuq Bartolo, instab ammont konsiderevoli ieħor ta’ flus.
Minn naħa tiegħu fix-xhieda li ta s-Surġent Oscar Baldacchino qal li fil-jum in kwistjoni waqqfu vettura Toyota Vitz li fiha kien hemm Brian Godfrey Bartolo. Flimkien miegħu kien hemm Trevor Borg u ċertu Dillon Azzopardi. Qal li mill-vettura ta’ Bartolo ġiet elevata borża tal-plastik b’sustanza ħadranija suspettata cannabis grass u ammont ta’ flus.
Ikkonferma li Bartolo beda jallega li Borg għamillu ‘controlled delivery’. Minn fuq il-persuna tal-imputat ġew elevati żewġ mobile phones tal-għamla Nokia, filwaqt illi minn fuq il persuna ta’ Azzopardi ġie elevat mobile phone tal-għamla Samsung.
Skont ix-xhud, jekk kien sar kuntatt bejn il-persuni in kwistjoni, dan laħaq sar qabel waslu huma u dan għaliex Bartolo kien għadu qed iżomm il-flus f’idejh f’ponn. Id-droga kienet fil-vettura, u qal ukoll li Bartolo kien fil-vettura bil-bieba miftuħa.
Il-flus ma ġewx magħduda fuq il-post u ma rriżultalux illi fil-vettura kien hemm iżjed flus. Xehed ukoll illi la nstabu sustanzi llegali u lanqas flus fuq l-imputat. Meta kienu qed josservawhom, huma kienu daqsxejn il-bogħod u għalhekk ma setgħux jisimgħu x’ingħad.
Fl-istqarrija tiegħu, Bartolo stqarr li fid-29 ta’ Settembru 2014, huwa kellu jiltaqa’ ma’ Trevor Borg magħruf bħala ‘Il-Bonc’ ġewwa San Pawl il-Baħar, ħdejn Piscopo Cash & Carry u dan peress li kienu miftehmin illi huwa jgħaddilu 100 gramma ħaxixa tal-cannabis, kif ukoll pakkett żgħir li kien hemm bl-eroina.
Bartolo qal ukoll li Borg kellu jgħaddi l-cannabis lil ħaddieħor u li ta’ dan Borg kien se jaqla’ 50 ewro. Huwa biegħ
il-cannabis lil Borg bil-prezz ta’ €650. Kurt Mahoney, maħtur mill-Maġistrat Inkwirenti bħala espert tal-informatika, ppreżenta ‘hard drive’ bil-kontenut tal-apparat elettroniku li huwa ngħata għall-analiżi tiegħu konsistenti f’seba’ mobile phones, satellite phone, hard disk drive, u żewġ laptops, flimkien ma’ apparat elettroniku ieħor li nstab fl-apparat. Huwa wettaq ukoll ‘cross reference analysis’ bejn il-mobile phones ta’ Brian Godfrey Bartolo u Trevor Borg.
Il-laqa’ kienet fuq id-droga
Il-Qorti qalet li fil-waqt illi l-Prosekuzzjoni tallega illi fil-jum tal-każ, l-imputat iltaqa’ ma’ Bartolo fil-post fejn l-istess imputat u Bartolo ġew imwaqqfa mill-Pulizija sabiex l-istess imputat jixtri d-droga mingħand Bartolo, minn naħa tiegħu l-imputat dejjem sostna li hu ltaqa’ ma’ Bartolo fl-istess post sabiex jgħaddilu l-flus li kellu jagħtih in konnessjoni ma’ danni li saru minnu fuq il-garaxx ta’ Bartolo, dwar liema każ l-imputat kien ġie mressaq preċedentement fi proċeduri separati.
Il-Qorti qalet ukoll li matul ix-xhieda tiegħu f’dawn il-proċeduri, l-imputat qal li dakinhar għadda s-somma ta’ €600 lil Brian Godfrey Bartolo, iżda jikkontesta r-raġuni għalfejn għadda dawn il-flus, li huwa qal illi ma kellhom x’jaqsmu xejn mad-droga, lanqas mad-droga li kellu Bartolo fil-vettura misjuqa minnu.
Madankollu l-Qorti ma temminx li l-laqgħa bejn it-tnejn kienet fuq il-garaxx. Fiċ-ċirkostanzi tal-każ u fil-kuntest li fih ingħad dan il-kliem minn Bartolo lill-imputat fuq “frame-up”, meta l-istess imputat kien għadu kif għadda s-somma flus lil Bartolo, u meta fil-vettura ta’ Bartolo kien hemm id-droga, il-Qorti qalet ma tistax ħlief tikkonkludi illi l-ftehim bejn l-imputat u Bartolo kien proprju dwar id-droga ossia illi l-imputat kien se jakkwista ammont ta’ droga mingħand Bartolo.
Fid-dawl tal-provi prodotti, il-Qorti saħqet li tqis illi jirriżulta pruvat illi kien hemm ftehim bejn l-imputat u Bartolo, u illi dan il-ftehim kien jirrigwarda d-droga fis-sens illi l-imputat kien se jakkwista ammont ta’ droga mingħand Bartolo. Madankollu fil-fehma tal-Qorti ma jistax jingħad illi tirriżulta l-assoċjazzjoni, biex l-imsemmija droga tiġi traffikata.
Jirriżulta sempliċiment ftehim bejn l-imputat u Bartolo, u ma teżistix prova ċara u inekwivoka li kien hemm xi intenzjoni da parti tal-imputat flimkien ma’ Bartolo, li jinnegozzjaw d-droga jew illi kien hemm xi ftehim bejniethom dwar il-modalita` tal-pjan ta’ azzjoni sabiex tiġi negozjata d-droga jew illi ġew ikkumbinati jew miftiehma l-mezzi li bihom l-imputat u Bartolo kellhom jimxu sabiex ibiegħu jew jittraffikaw id-droga.
Il-fatt illi l-imputat kien se jakkwista d-droga mingħand Bartolo ma jwassalx neċessarjament għall-konklużjoni illi allura kien hemm ftehim fis-sens li trid il-liġi sabiex jirriżulta pruvat ir-reat ta’ assoċjazzjoni jew illi l-provi mressqa “cannot but be interpreted as pointing towards the existence of a conspiracy.”
Il-Qorti ħadet konjizzjoni tal-kontenut tal-‘hard drive’ esebita mill-espert Kurt Mahoney li fiha l-kontenut tal-apparat elettroniku kollu elevat. Minkejja li rriżultawlha messaġġi ta’ wieħed mill-mobile phones tal-marka Nokia elevati mill-pussess tal-imputat, biss ma rriżulta xejn mill-mobile phones kollha elevati u esebiti fil-proċeduri li jista’ jindika b’mod r-reat ta’ assoċjazzjoni bejn l-istess imputat u Bartolo.
Twissija lill-Prosekuzzjoni
Is-sentenza tal-Qorti tġħid li fil-kuntest ta’ apparat elettroniku, jeħtieġ li tirrimarka illi għandha tieqaf immedjatament il-prassi adottata mill-Prosekuzzjoni f’kull kawża illi tixħet il-kontenut ta’ tali apparat quddiem il-Qorti u tippretendi
li tkun il-Qorti li toqgħod tindaga sabiex tistabilixxi jekk tirriżultax xi prova li tista’ tissostanzja l-akkużi li bihom ikun mixli imputat.
Hija l-Prosekuzzjoni li għandha ġġib il-prova u mhux fuq il-Qorti għandu jaqa’ dan kollu u l-Prosekuzzjoni ma tagħmilx prova sempliċiment billi tixħet ammont kbir ta’ data quddiem il-Qorti u tippretendi mbagħad illi tkun il-Qorti stess illi
tgħarbel dak li jista’ jkun relevanti għall-każ.
Il-kompitu tal-Prosekuzzjoni m’għandux jieqaf mal-ħatra tal-espert tekniku illi jniżżel il-kontenut talapparat elettroniku, iżda wara dan il-Prosekuzzjoni għandha tkun hija stess illi tifli l-istess kontenut u tindika lill-Qorti dak li huwa relevanti għall-każ.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti qalet li qed issib lill Trevor Borg mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u qegħda tilliberah minnhom. Peress li m’hijiex tinstab ħtija fl-imputat, il-Qorti m’hijiex tikkundannah għall-ħlas tal-ispejjeż konnessi mal-ħatra tal-esperti.
Finalment sakemm il-Prosekuzzjoni ma tindikax b’nota, illi għandha tiġi preżentata fi 15-il jum mid-data tas-sentenza, illi d-droga u l-oġġetti konnessi mad-droga esebiti f’dawn il-proċeduri huma meħtieġa in konnessjoni ma’ xi proċeduri kriminali oħra kontra terzi persuni, tordna d-distruzzjoni tad-droga u tal-oġġetti relatati mad-droga esebiti fl-atti. Għal Trevor Borg deher l-Avukat David Gatt filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef.
//= $special ?>