L-Armata tas-Sudan u l-grupp RSF tal-paramilitari li qed tikkumbatti kontra tiegħu qablu li jestendu l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li kienet ilha għal tlett ijiem — bin-naħat rivali jaslu fi qbil minuti biss qabel il-ftehim kellu jiskadi.
L-estensjoni ta’ 72 siegħa segwiet l-isforzi diplomatiċi intensivi mill-ġirien tas-Sudan, bis-sehem tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti u r-Renju Unit.
Madankollu kompla xorta l-isparar fost xi battalji li baqgħu għaddejjin f’Khartoum u l-madwar, bil-periklu għaċ-ċivili jibqa’ f’livell għoli. Dan meta fl-aħħar jiem, eluf ta’ nies setgħu jaħarbu miz-zoni perikolużi ta’ Khartoum u waqt li l-pajjiżi kienu qed jevakwaw iċ-ċittadini tagħhom mis-Sudan.
L-aħħar ġimgħatejn ta’ battalji bejn l-Armata Sudaniża u l-RSF ħallew il-mijiet tal-mejtin fil-pajjiż Afrikan – bl-Armata tas-Sudan taqbel biex tibgħat ir-rappreżentanti għal taħditiet ta’ paċi potenzjali wara li s-Sudan t’Isfel offra li jipprovdi sede għal djalogu konness mal-kriżi.
Fi żviluppi oħra, xi elementi armati fetħu n-nar fuq ajruplan tat-Turkija li kien nieżel f’bażi tal-ajru barra Khartoum bħala parti mill-missjoni għall-evakwazzjonijiet tal-barranin. Ħadd ma weġġa fl-attakk, bl-ajruplan jinżel qawwi u sħiħ fil-bażi ta’ Wadi Seidna. Intant, il-paramilitari tal-RSF ċaħdu l-akkużi li huma kienu sparaw fuq l-ajruplan u sostnew li jinsabu impenjati għall-estensjoni tal-waqfien mill-ġlied għal raġunijiet umanitarji.
//= $special ?>