Lokali

“Jum il-Ħaddiem mtappan bi drittijiet imkasbra u libertà ta’ assoċjazzjoni fgata” – Graham Sansone

Messaġġ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem 2023 minn Graham Sansone, Kap Eźekuttiv tal-Union for Professional Educators

L-ewwel ta’ Mejju huwa jum importanti li jgiegħelna nirriflettu fuq il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kif ukoll niċċelebraw l-avvanzi li saru mal-medda tas-snin. Din is-sena però ma tantx għandna għalfejn niċċelebraw.

Is-sena l-oħra komplejna naraw kemm hija skarsa l-protezzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Erġajna rajna l-mostru tal-bullying, fastidju sesswali u tat-trattament diskriminazzjoni jerfgħu rashom fuq il-post tax-xogħol. Il-korrimenti u aċċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol ma naqsux. Rajna, fost l-oħrajn, il-mewt traġika ta’ ħaddiem żagħżugħ maħsud fil-fjur ta’ ħajtu. Huwa evidenti illi s-saħħa u s-sigurtà’ fuq il-post tax-xogħol mhux tingħata l-prijorità li jixirqilha. Korrimenti u mwiet imma kollox jibqa’ għaddej business as usual, qisu ma korra ħadd, qisu ma miet ħadd!  

Irridu nsaqsu lilna nfusna għaliex is-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiem saret daqstant cheap. Irridu nsaqsu x’qed jagħmlu l-awtoritajiet biex il-ħaddiem ma jmurx fuq il-lant tax-xogħol u jispiċċa mweġġa’ jew saħansitra jitlef ħajtu. Qed nagħlqu għajnejna għall-abbużi? Qed inpoġġu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi qabel id-dinjita’ u l-ħajja tal-ħaddiem? Fuq kollox, xi protezzjoni għandhom il-ħaddiema illi jiġbdu l-attenzjoni fuq tħassib ta’ saħħa u sigurtà’ fuq il-post tax-xogħol tagħhom? X’qed isir meta ħaddiema jiġbdu l-attenzjoni illi x-xogħol mhux qed isir skont standards stabbiliti jew saħansitra bi ksur ta’ regolamenti illi għandhom saħħa ta’ liġi? Qegħdin jiġu mhedda biex jagħlqu ħalqhom? Għand min jistgħu iduru l-ħaddiema f’ċirkostanzi bħal dawn? Jistgħu l-ħaddiema jirrikorru għall-protezzjoni tal-union tal-għażla tagħhom? Jew jiġu ikkastigati?

L-esperjenza tal-UPE fl-ITS għandha tiftaħ l-għajnejn u l-imħuħ għal x’qiegħed jiġri f’pajjiżna. Senior Lecturers li ġibdu l-attenzjoni għal problemi ta’ health and safety ġew imkeċċija mill-ITS bl-iskuża li segwew direttivi tal-UPE!  Dan hu l-uniku każ magħruf fejn ħaddiema tkeċċew mix-xogħol sempliċiment għax obdew direttivi paċifiċi tat-trade union tagħhom. Jekk f’entita’ tal-gvern, senior lecturers jitkeċċew mix-xogħol għax jiġbdu l-attenzjoni fuq kwistjonijiet ta’ health and safety u jsegwu d-direttivi tal-union tagħhom, x’qed jiġri f’setturi oħra minn ħaddiema b’impjieg prekarju? 

Il-UPE issostni illi għandu jkun hemm protezzjoni akbar tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. L-ebda ħaddiem m’għandu jitkeċċa għax jiġbed l-attenzjoni għal kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà’ jew għal nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ standards stabbiliti. L-ebda ħaddiem ma għandu jitkeċċa għax ifittex il-protezzjoni u jsegwi d-direzzjoni tal-union tal-għażla tiegħu. L-ebda trade union ma għandha tiġi kostretta li tikxef mal-employer minn huma l-membri tagħha li fittxew l-għajnuna. 

Huwa verament ta’ għajb illi f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropeja u tal-Kunsill tal-Ewropa irridu ninsistu fuq drittijiet bażiċi bħal dawn. Drittijiet li jeżistu fuq il-karta imma li jiġu mxekkla, ristretti u ridotti fix-xejn. Huwa aktar ta’ għajb f’pajjiż fejn l-ewwel artiklu tal -Kostituzzjoni tiegħu tgħid li huwa mibni fuq ix-xogħol! 

Il-UPE tappella lill-awtoritajiet biex id-drittijiet tal-ħaddiema kif sanċiti fil-Kostituzzjoni u il-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem ma jibqgħux dead letter law. Fuq kollox hemm bżonn illi s-saħħa u s-sigurtà, il-ħajja  u d-dinjita’ tal-ħaddiema tingħata prijorità assoluta. Inkella c-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem jkunu biss daħq fil-wiċċ.