Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel – FINALI: Starlites Fijo mill-ġdid Champions tal-basketball lokali

Colin Schembri

Mellieħa Libertas Spalding………….91

Starlites FIJO………………………………..113

(14-28)(21-18)(32-38)(20-29)

Starlites FIJO rebħu l-kampjonat nazzjonali tal-basketball għat-tieni staġun konsekuttiv u għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom. Starlites fallew biss tazza waħda dan l-istaġun u dan juri l-konsistenza tat-team immexxi minn Paul Ferrante. B’talent lokali fost l-aqwa li hawn fil-pajjiż flimkien ma’ tlett Amerikani Ferrante rnexxielhu joħloq kemistrija perfetta b’taħlita ta’ press tul il-court kollhu u difiża li taddatta għaċ-ċirkostanzi tal-avversarji flimkien ma’ attakk veloċi u f’xi waqtiet spettakolari. Mellieħa, finalisti telliefa għat-tieni sena konsekuttiva komplew jibnu fuq dak li bdew snin ilhu taħt it-tmexxija tal-President Nicolo Petrucci. Huma kellhom sfortuna kbira li tilfu wieħed mill-aqwa players Amerikani ta’ dawn l-aħħar snin Connor Zinaich propju ftit ġranet qabel il-bidu tal-play-offs però huma kellhom is-sodisfazzjon tar-rebħ tat-tazza Louis Borg u ta’ min ifaħħar ukoll ix-xogħol siewi tal-coach Taljan Christian Narcisio.

Wara bidu bilanċjat fejn Mellieħa marru 4-2 minn fuq, Starlites għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari meta għamlu run ta’ 15-1 b’diversi punti minn Alec Felice Pace, Darius George, Kurt Xuereb u Zekiah Owens. Mellieħa finalment wieġbu permezz ta’ Isaac Bonett u trippla ta’ Sebastien Valencia. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin fosthom bill-punti ta’ Vukassin Jandric għal Mellieħa u trippla ta’ Matthew Attard għal Starlites għal skor ta’ 28-18. Fit-tieni perjodu, Starlites komplew ikabbru l-vantaġġ wara trippla minn Felice Pace. Mellieħa kellhom it-trippli minn Nikola Jovanovic però punti minn Owens u George komplew iħallu lil Starlites 42-26 minn fuq. Hawn Mellieħa kellhom mument tajjeb fejn irnexxielhom jagħqqdu run ta’ 13-4 fosthom bit-three pointers ta’ David Bugeja u Robert Bonnici u sal-intervall il-vantaġġ ta’ Starlites niżel għal seba’ punti 46-39.

Wara l-mistrieħ, Starlites bdew bit-tlett three pointers minn Felice Pace u George u reġgħu ħadu vantaġġ b’figuri doppji. Għal xi ħin, Mellieħa bdew iżommu l-pass mall-avversarji u waslu sa’ ħames punti ‘l bogħod 50-55. Starlites komplew bi break ta’ 14-4 bil-punti minn Owens u Jacob Bates. Sa’ tmiem it-taqsima huma kellhom tlett trippli oħra minn Felice Pace u Attard biex temmew is-sessjoni 84-71 minn fuq. Fl-aħħar perjodu Starlites kienu fil-kontroll u kellhom diversi runs qosra li ħallewhom b’vantaġġ komdu. Huma għaqqdu l-mitt punt b’basket minn Owens hekk kif Ferrante daħħal lill-players ta’ fuq il-bank fost il-briju tal-partitarji tagħhom. Hawn komplew ċelebrazzjonijiet kbar għar-rebħ tal-kampjonat. Alec Felice Pace intgħażel bħala l-MVP tal-finali u ġie ppreżentat bi plakka kommemorattiva. Stefan Abela mit-taqsima ta’ CSR fi ħdan il-Bank of Valletta flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana ippreżentaw it-trofew tal-Kampjonat BOV tal-Basketball lic-champions Maltin għal dan l-istaġun. 

Mellieħa Libertas: S. Zammit, M. Falzon 5, D. Bugeja 22, R. Bonnici 7, V. Jandric 23, I. Bonett 4, N. Bukva 4, N. Jovanovic 6, M. Formosa 4, O. Said, S. Valencia 16.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 28, Z. Owens 28, M. Attard 13, J. Bates 13, I. Felice Pace 2, M. Fabri, L. Riolo 2, R. Carabott 1, L. Farrugia, K. Xuereb 1, N. Sultana, D. George 25.

Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Julie Londono.