Lokali Qorti

Kumpens ta’ kważi €42,000 lil mara wara li raġel waqa’ mill-gallarija għal fuqha fil-festa ta’ Ħaż-Żabbar

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli,  ikkonfermat sentenza fil-konfront ta’ raġel li fl-2014 ġie kkundannat iħallas kumpens ta’ €41,974 lil mara wara li waqa’ minn gallarija ta’ każin f’Ħaż-Żabbar u ġie fuqha.

L-inċident kien seħħ fit-13 ta’ Settembru 2014, għall-ħabta tal-4.30pm, fil-każin tal-Banda San Mikiel waqt il-festa tal-Madonna tal-Grazzja. Ir-raġel kien fil-gallarija meta waqa’ u ġie fuq mara li kienet fil-bitħa interna flimkien mal-għarus tagħha, qraba u ħbieb.

Susegwentement il-mara fetħet kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra r-raġel fejn żammitu responsabbli għall-inċident li fih sofriet diżabilità permanenti ta’ 20%. Fl-24 ta’ Ottubru 2018 Il-Qorti Ċivili kien żammet lir-raġel responsabbli tal-inċident u ordnatlu jħallas kumpens lit-tfajla €41,974.

Huwa appella mis-sentenza għax baqa’ jinsisti li ma kienx jaħti għall-inċident u insista li waqa’ għax xi ħadd kien ipprova jerfgħu. Huwa sostna li r-responsabbiltà kienet tal-każin. Il-Qorti tal-Appell ma qablitx u qalet li l-ewwel Qorti ma attribwiet ebda tort lill-każin jew lil xi diriġenti tiegħu u kienet korretta fid-deċiżjoni tagħha.

Il-Qorti tal-Appell żiedet li lanqas ma ġie ppruvat li kien hemm terzi persuni involuti waqt il-waqgħa u rrimarkat li r-raġel kien qal lill-għarus tat-tfajla u lil ħuha li għelbitu rasu. Lanqas ma emmnet il-verżjoni tiegħu li t-tfajla kellha problemi f’daharha minn qabel l-inċident u li ġarrbet ksur f’għonqha għax qraba u ħbieb ċaqalquha bis-saħħa kif qal hu.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli, warrbet l-appell tar-raġel u kkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel Qorti.