Internazzjonali

L-Ukrajna: Mewġa oħra ta’ attakki mill-qawwiet tal-ajru tar-Russja

Il-qawwiet tal-ajru tar-Russja wettqu mewġa ġdida ta’ attakki fuq l-ibliet ewlenin tal-Ukrajna fejn mietu mal-20 persuna – għalkemm iċ-ċifra tal-vittmi ċivili kapaċi tkun ħafna akbar.

L-ewwel rapporti jindikaw li sbatax-il persuna, inkluż tfajjel, tilfu ħajjithom meta missila tar-Russi laqtet blokk ta’ appartamenti fil-belt ta’ Uman, fiċ-ċentru tal-Ukrajna. Rapporti oħra, imbagħad, qalu li omm u bintha ta’ tlett snin mietu wkoll waqt rejd separat fuq il-belt ta’ Dnipro.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu, min-naħa tiegħu, prova jiddefendi l-attakki li qal kienu immirati għat-taqsimiet riservisti tal-armata Ukrena – avolja deher ċar li kienu ċ-ċivili li sofrew l-aktar minn dawn ir-rejds.

L-attakki tar-Russi, fil-fatt, tmexxew b’armamenti ta’ preċiżjoni, bil-President Ukren Volodymyr Zelensky itenni li talanqas għaxar binijiet residenzjali intlaqtu direttament mill-missili tar-Russi fuq Uman.

L-awtoritajiet fi Kiev qalu li din kienet l-ewwel darba f’51 jum li l-kapitali Ukrena ġarrbet attakk bil-missili — bid-difiżi Ukreni, fl-aħħar sigħat, iwaqqgħu il-parti kbira tal-missili u d-drones tar-Russi.

Il-President Zelensky qal li l-attakki tar-Russja juru li l-komunità internazzjonali għandha tieħu aktar azzjonijiet konkreti fil-konfront tal-Kremlin u l-President Russu Vladimir Putin.

Zelensky kompla li l-armamenti li l-Ukreni qed jirċievu mingħand il-Punent huma l-aħjar difiża għal kontra l-ħażen tal-Kremlin waqt li tenna wkoll li r-Russja tista’ iżżomm lura mill-attakki diretti fuq iċ-ċivili jekk kemm-ildarba d-dinja żżid is-sanzjonijiet fil-konfront tagħha.