Il-Papa Franġisku beda żjara pastorali ta’ tlett ijiem fl-Ungerija – zjara li hi wkoll l-ewwel waħda tiegħu fil-pajjiż.
Dan hu anki l-ewwel vjaġġ tal-Papa barra l-Vatikan mindu kien trattat għall-bronkite fl-aħħar ta’ Marzu — u qabel telaq lejn l-Ungerija, il-Kap tal-Kattoliċi kellu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru tal-Ukrajna li stiedju biex iżur Kiev fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Papa, waqt din iż-żjara pastorali, mistenni jitratta b’urġenza l-iżviluppi tal-gwerra fl-Ukrajna flimkien mal-Mexxejja Ungeriżi.
Huwa mistenni wkoll li hu se jipprova jipperswadi lill-Gvern tal-Ungerija biex ikun aktar tolleranti fir-rigward tal-immigranti u r-refuġjati fl-Ewropa.
Fil-fatt, il-Papa dam dawn is-snin kollha biex iżur l-Ungerija minħabba l-politika kontra l-immigrazzjoni xprunata mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban. Għall-kuntrarju, il-Vatikan dejjem esprima u prattika politika ta’ ħniena lejn l-immigranti li qed jaħarbu mill-faqar, il-kunflitti u l-perswekuzzjoni.
Madankollu, l-akbar kwistjoni li għandha tispikka f’din iż-żjara hi relatata mal-gwerra li se tagħlaq sena u nofs fl-Ukrajna…Pajjiż li jaqsam fruntiera twila 134 kilometru mal-Ungerija. Dan meta Viktor Orban – kuntrarju għall-Istati oħrajn tal-Unjoni Ewropea – qed jirrifjuta li jappoġġja b’għajnuna militari lill-Ukreni, minbarra li għadu jżomm ir-relazzjonijiet tajbin mar-Russja.
L-Ungerija, sallum, irrifjutat li tissupplixxi l-armi għad-difiża tal-Ukrajna kontra l-aggressjoni tar-Russja u lanqas mhi tippermetti biex l-alleati tan-NATO jużaw l-ispazju tal-ajru tal-Ungerija biex iwasslu l-armamenti lill-Ukreni.
Intant, is-Sibt, il-Papa għandu jżur lill-foqra u n-nies mingħajr djar …. b’mod partikulari lir-refuġjati fil-pajjiż li ġejjin mill-Ukrajna, l-Afganistan, is-Sudan, l-Iran u l-Pakistan.
Iż-żjara tal-Papa fl-Ungerija tintemm nhar il-Ħadd biċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa fil-pjazza ta’ quddiem il-bini tal-Parlament f’Budapest.
//= $special ?>