Id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati David Agius, mexxa s-Sezzjoni Finali tal-Mini European
Assembly fil-Parlament ta’ Malta. Bħas-snin l-imgħoddija, din il-laqgħa ġiet organizzata minn National Student
Travel Foundation (NSTF). Matul din il-laqgħa, il-parteċipanti żgħażagħ iddiskutew kif tista’ tissaħħaħ iddemokrazija fl-Ewropa.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, id-Deputat Speaker spjega kif il-protagonisti f’demokrazija jużaw l-arti tal-perswazzjoni biex jaslu għall-aħjar mod kif huma jmexxu tajjeb lil pajjiżhom. Hu saħaq fuq il-kwalitajiet sbieħ u neċessarji li għandu jkun imżejjen bihom persuna li trid tkun ta’ servizz tajjeb lis-soċjetà. Din il-persuna trid tkun:
- Altruwista, ta’ imġieba tajba u affidabbli;
- Tqies il-ġid u l-interess komuni qabel kull interess ieħor;
- Tagħraf id-dmirijiet tagħha u twettaqhom sew;
- Tnissel fiduċja f’dawk ta’ madwarha u
- Tħaddan prinċipji u valuri tajba.
B’referenza għal prinċipji u valuri tajba, id-Deputat Speaker semma’ il-valuri Ewropej elenkati f’Artiklu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, Lisbona, 2007. Dan huma “ir-rispett għad-dinjità tal-persuna umana, it-tisħiħ tal-libertajiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, id-demokrazija, is-saltna tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet talbniedem.” Hu saħaq li fiċ-ċirkustanzi attwali, il-popli Ewropej għandhom jaħdmu biex jissaħħu l-valuri Ewropej u biex tiżdied il-fiduċja fil-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea bil-għan li tissaħħaħ aktar id-demokrazija, il-qagħda ekonomika u soċjali fl-Ewropa u biex il-popli Ewropej jgħixu flimkien fis-sliem.
Id-Deputat Speaker David Agius awgura liż-żgħażagħ parteċipanti li dan l-eżerċizzju tant siewi jkun għalihom
esperjenza li tibqa tagħti l-frott tagħha fil-karrieri tagħhom biex hekk Malta tkun tistà tgawdi politiċi ta’ kwalità
għas-servizz taċ-ċittadini.
David Agius irringrazzja lill-NSTF għal din l-iniżjattiva tant nobbli.
//= $special ?>