Żagħżugħ ta’ 26 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li fil-Qorti t’Għawdex ammetta li kien kompliċi fil-ħruq ta’ vann f’Għawdex. Gabriel Farrugia Hardie ammetta li fl-1 ta’ Settembru 2021, għall-ħabta tat-3.15pm f’Għawdex, kien kompliċi fil-ħruq ta’ Mitsubishi Canter u fil-bini tal-Gozo Football Association (GFA) li jinsab fix-Xewkija.
Huwa kien akkużat ukoll li kkaġuna b’aktar minn €2,500 fi ħsara b’dannu għall-istess assoċjazzjoni u li kiser sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati u li sar reċidiv, li fuqha kien illiberat. Il-Maġistrat Simone Grech qieset il-kundizzjoni medika tal-ħati qabel ma tagħat is-sentenza u l-fatt li ammetta l-każ.
Hija kkunsidrat ukoll li l-persuna li nstabet ħatja tal-ħruq tal-vann kienet ordnata tħallas €10,000 lill-assoċjazzjoni f’dan il-każ li fih il-Pulizija ressqet b’kollox ħames persuni fil-Qorti. Dwar il-piena, din il-Qorti qieset il-fatti kollha ta’ dan il-każ u eżaminat l-atti proċesswali. Qieset ukoll il-pre-setencing report eżebit.
Il-Qorti kkunsidrat ix-xhieda mogħtija minn Dr Mark Xuereb u qieset fit-tul il-kontenut tal-pre-sentencing report imħejji fejn ġiet suġġerita piena ta’ ħabs. Il-Qorti izda wara li ħadet in konsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, l-ammissjoni bikrija ta’ l-imputat, il-kundizzjoni medika tiegħu kif spjegatha minn Dr Mark Xuereb stess, l-involviment ta’ l-imputat f’ dan l-inċident u kif ukoll dak li ngħad fit-13 ta’ Ottubru 2021 mill-istess difiza, tqies li l-piena karċerarja suġġerita mill-probation officer mhijiex il-piena li tagħmel ġid fiċ-ċirkostanzi.
Il-Qorti qalet tqies li l-piena li għandha mis-sewwa għandha tkun dik ta’ Ordni ta’ Probation flimkien ma’ ordni ta’ trattament. In fatti, din il-Qorti tqies li jeżistu raġunijiet bizzejjed sabiex jiġi applikat l-artikolu 7 tal-Kap 446 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Il-Qorti qalet li qed ordna li kopja ta’ din is-sentenza, tal-Ordni ta’ Probation u ta’ l-Ordni ta’ Trattament mogħtija b’digrieti għandhom jiġu trasmessi minnufih lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole sabiex jiġi assenjat uffiċjal tal-Probation biex ikun responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-istess ħati. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.
//= $special ?>